L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ġesù ġabar il-kmandamenti kollha ta’ Alla fi kmandament wieħed: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha… ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mk 12:30-31). Meta Ġesù għamel hekk, mhux biex il-kmandamenti jagħmilhom aktar laxki, anzi biex jagħmilhom aktar esiġenti, u jmur fil-fond tal-qalb tagħna.
Dan hu li naraw illum fl-Evanġelju, meta Ġesù lin-nies jgħidilhom: “Smajtu x’intqal lin-nies ta’ dari: ‘la toqtolx’” (Mt 5:21). “La toqtolx” hu wieħed mill-kmandamenti ta’ Alla. Ġesù jgħid: “jekk xi ħadd joqtol, ikun ħaqqu l-kundanna” (Mt 5:21). Imma mbagħad Ġesù jgħid aktar minn hekk. Jgħid: ma hemmx għalfejn toqtol biex tgħid li għamilt ħażin, imma anke jekk inti bi kliemek tinsulenta, tweġġa’ lin-nies, tagħmel il-ħsara lin-nies, hemm ukoll tkun qed tagħmel ħażin.
Għalhekk naraw kif Ġesù jgħaqqad flimkien ir-rispett lejn il-ħajja u lejn id-dinjità ta’ kull bniedem. Hawn Ġesù jerġa’ jfakkarna: li toqtol huwa dejjem ħażin. Kemm jekk bid-deher, kemm bil-moħbi; kemm dawk il-każijiet ta’ qtil li nisimgħu bihom, imma wkoll kull ħajja umana li tiġi eliminata. Mill-ewwel mument tat-tnissil, meta l-ħajja ma tidhirx minn barra, imma qiegħda ġewwa, dawk il-ftit ċelloli li huma ħajja umana – jekk teliminahom, qed toqtol ħajja umana. Huwa l-kliem li Ġesù jsemmi hawn u jfakkarna fih: “la toqtolx” Imbagħad qed jgħid ukoll: fir-rispett lejn il-ħajja, tirrispetta wkoll id-dinjità ta’ kull bniedem. Għalhekk li inti, bi kliemek jew bl-azzjonijiet tiegħek, ma tweġġax lill-persuna, ma tinsulentahiex, ma tagħmlilhiex ħsara; għax inti trid tirrispetta wkoll id-dinjità ta’ kull bniedem.
Hawn Ġesù jgħid ħaġa oħra wkoll, fejn juri li l-kliem tiegħu hu ħafna esiġenti, meta jsemmi li għandu jkollna qalb li taħfer. Jgħid: “jekk tkun qed ittella’ l-offerta tiegħek fuq l-altar, u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-altar, u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, imbagħad ejja tella’ l-offerta tiegħek” (Mt 5:23). Illum “ittella’ l-offerta tiegħek” jiġifieri tieħu sehem fl-Ewkaristija, tiela’ biex titqarben, u tiftakar li hemm xi ħaġa f’qalbek kontra xi ħadd. Anzi Ġesù jgħid aktar minn hekk, għax jgħid: “tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek”. Għalhekk qed jgħid: agħmel li tista’ biex, min-naħa tiegħek, tkun irranġajt, tkun għamilt ħiltek biex ikun hemm ir-rikonċiljazzjoni, l-għaqda mill-ġdid.
Issa aħna nafu li din mhux dejjem isseħħ, għaliex jista’ jkun li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, int għamilt li stajt, u hu baqa’ kontra tiegħek. Imma Ġesù qed jgħid: aħna rridu nagħmlu ħilitna fil-ħajja biex il-qalb tagħna tkun ippurifikata minn dak li joħloq konflitt u ġlied, u li jeqred l-għaqda. Almenu nkunu għamiltna ħilitna. U li jkollna qalb li taħfer tassew. Imma rridu niftakru li l-maħfra hija għażla, mhux sempliċiment għax tħoss. Kultant jista’ jiġrilek li tara persuna li naqsitek, jew li għamlitlek il-ħsara, u ġewwa tħossu jbaqbaq. Ma jfissirx li ma ħfirtx. Il-maħfra hija għażla fejn tgħid: minkejja dak li qed inħoss fija, jien irrid naħfer, jien irrid nitlob għal min għamilli ħsara, jien ma rridx nagħmel ħsara lil min għamilli l-ħsara. Din hija għażla. Għalhekk qed jgħid Ġesù: hemm ikollna tassew qalb li tixbah lil tiegħu.
Nitolbuh illum: li jkollna qalb mimlija mħabba, li qatt ma tweġġa’ jew tagħmel ħsara lil ħaddieħor; u nitolbuh li jkollna qalb mimlija maħfra, li tfittex ir-rikonċiljazzjoni, l-għaqda, biex tassew inkunu nixbhu lilu li hu ta’ qalb li taħfer u tagħder.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju