-
-
Il-Ġimgħa 10 ta’ Lulju 2015, f’nofsinhar, fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Roberto Cassari, Nunzju Appostoliku għal Malta u l-Libja, fil-preżenza tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex u President tal-Konferenza Episkopali Maltija, ta’ Patri Richard Grech, Provinċjal tal-Patrijiet Franġiskani Minuri Maltin, u tal-kleru Għawdxi, ikkomunika l-aħbar li l-Papa Franġisku għadu kemm ħatar lir-Reverendu Patri George Bugeja OFM, Superjur tal-Kunvent ta’ Sant’Antnin ta’ Padova f’Għajnsielem (Djoċesi ta’ Għawdex), bħala Isqof Koadjutur tal-Vigarjat Appostoliku ta’ Tripli.
In-nomina dehret ukoll fil-Bulettin tal-Aħbarijiet tas-Santa Sede mxandar fl-istess jum. L-Ordinazzjoni Episkopali mistennija tinżamm Għawdex fl-4 ta’ Settembru 2015, imma aktar dettalji jingħataw ’il quddiem.
Patri George Bugeja OFM twieled fl-1 ta’ Lulju 1962, fil-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, ix-Xagħra, fid-Djoċesi ta’ Għawdex. Hu l-kbir fost ħames aħwa subien, ulied il-mejjet Emmanuel minn Ta’ Kerċem u Marija mwielda Attard mix-Xagħra.
Ħa l-edukazzjoni primarja tiegħu fil-Konservatorju tal-Isqof, il-Belt Victoria u fil-Kulleġġ De La Salle, Cospicua. Irċieva l-edukazzjoni sekondarja fil-Liċew tas-Subien fix-Xagħra, f’dak tal-Belt Victoria, u f’dak tal-Ħamrun.
Beda s-sena tal-Postulandat fil-Kunvent tal-Ħamrun fl-1976, u fit-2 ta’ Ottubru 1977 ta bidu għas-sena tan-Novizzjat fil-Kunvent ta’ Sant’Antnin ta’ Padova, Għajnsielem. Wara ssokta bl-istudji ta’ sena fil-Letteratura u Studji Franġiskani fil-Kunvent tar-Rabat, Malta u mbagħad l-istudju tal-Filosofija u tat-Teoloġija fl-INSERM. Għandu diploma fil-ġurnaliżmu u l-ispiritwalità.
Għamel il-Professjoni Solenni fit-28 ta’ Awwissu 1983, u fid-9 ta’ Lulju 1984 ingħata l-Ordinazzjoni Djakonali mill-E.T. Mons. Nikol Ġ. Cauchi, Isqof ta’ Għawdex. Minħabba raġunijiet ta’ età – kellu 22 sena – l-Isqof tah dispensa ta’ sena. Għall-istess raġuni, għamel sentejn jaqdi bħala Djaknu, u mbagħad ġie ordnat saċerdot nhar il-5 ta’ Lulju 1986 mill-Isqof Nikol Ġ. Cauchi, fil-knisja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova, Għajnsielem. Wara l-Ordinazzjoni Saċerdotali hu ġie assenjat għall-Fraternità Franġiskana tar-Rabat, Malta.
Matul il-ministeru pastorali tiegħu, hu wettaq dawn il-ħidmiet: fi Tripli, il-Libja (1987); f’St Paul’s, Toronto, il-Kanada (1987-1988); Gwardjan fil-Kunvent ta’ San Franġisk, il-Ħamrun (1988-1990); Gwardjan fil-Kunvent ta’ Sant’Antnin, Għajnsielem (1990-1993); Gwardjan fil-Kunvent ta’ Santa Marija ta’ Ġesù, ir-Rabat, Malta (1993-1995); ħidma fid-Dar tal-Irtiri Porziuncola, Baħar iċ-Ċagħaq u fid-Dar tal-Irtiri Padova, Għajnsielem (1995-1998); Responsabbli mid-Dar tal-Irtiri Padova (1998-2002); Gwardjan fil-Kunvent ta’ Sant’Antnin, Għajnsielem u Mastru tan-Novizzi u Studenti (2002-2004); Gwardjan u Kappillan tal-Parroċċa tal-Madonna tas-Sacro Cuor, Tas-Sliema (2004-2008); Uditur fit-Tribunal Ekkleżjastiku tad-Djoċesi ta’ Għawdex u Ministry Formator fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex (2008-2010); uffiċjal tal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli (Propaganda Fidei), il-Belt tal-Vatikan (Marzu 2010-Marzu 2015).
Minn Jannar 2015 hu l-Gwardjan tal-Kunvent ta’ Sant’Antnin, Għajnsielem. Riċentement l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech ħatru Delegat tiegħu għar-Reliġjużi.
Fi ħdan il-Provinċja Franġiskana Minuri Maltija hu kien ukoll Editur tal-Edizzjoni TAU (1997-2005) u Responsabbli mis-Segretarjat tal-Missjonijiet Franġiskani (1995-2007).
Patri George segwa Franciscan Internship Programme in Spiritual Direction u għandu Diploma fit-Teoloġija tal-Ħajja Kkonsagrata mill-Istitut tat-Teoloġija tal-Ħajja Kkonsagrata Claretianum fi ħdan l-Università Pontifiċja Lateranensi ta’ Ruma (2011-2012).
-