-
-
Nhar is-Sibt 11 ta’ Lulju 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiġi mlibbes il-pallium min-Nunzju Appostoliku l-ġdid, l-E.T. Mons. Mario Roberto Cassari, waqt Quddiesa Pontifikali fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Il-Quddiesa tibda fl-10.00 a.m. u għaliha ġew mistiedna l-ogħla awtoritajiet tal-Istat, membri tal-Korp Diplomatiku, il-Kleru Djoċesan u l-membri tal-Ordinijiet Reliġjużi, Kappillani u rappreżentanti tal-parroċċi. Il-pubbliku huwa mistieden jipparteċipa wkoll f’din iċ-ċelebrazzjoni.Din hija l-ewwel darba li Arċisqof ser jiġi mlibbes il-pallium waqt Quddiesa fl-Arċidjoċesi ta’ Malta stess. Il-bidliet fir-rit tal-għoti tal-pallium saru fuq xewqa tal-Papa Franġisku, bil-għan li tiżdied il- parteċipazzjoni tal-Knisja tal-post, f’ċerimonja importanti fil-ħajja u fl-istorja tal-Knisja lokali.Sas-sena l-oħra, il-pallium kien jiġi mlibbes lill-Arċisqfijiet Metropolitani ġodda mill-Papa, waqt Quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-Vatikan, fid-29 ta’ Ġunju, Festa tal-Appostli San Pietru u San Pawl. Skont il-bidliet li saru, l-Arċisqfijiet Metropolitani jikkonċelebraw mal-Papa fil-Quddiesa tad-29 ta’ Ġunju, u jingħataw il-pallium privatament. Fil-Quddiesa ta’ nhar it-Tnejn li għadda, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, bħala Arċisqof Metropolita, kkonċelebra mal-Papa Franġisku u ltaqa’ miegħu privatament (ritratti annessi).
Il-pallium jintlibes mill-Arċisqfijiet bħala simbolu tal-komunjoni tagħhom mas-Suċċessur ta’ San Pietru fit-tmexxija tal-Poplu ta’ Alla. Il-pallium huwa magħmul mis-suf tan-nagħaġ, bħala simbolu ta’ Ġesù Kristu, il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja u r-Ragħaj it-Tajjeb li jgħasses dejjem fuq il-merħla għażiża tiegħu. Il-pallium ifakkar lill-Isqfijiet, bħala Vigarji ta’ Kristu fil-Knejjes lokali tagħhom, li huma għandhom is-sejħa li jkunu rgħajja skont il-Qalb ta’ Ġesù.
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, l-Kurja