-
-
It-Tlieta 2 ta’ Ġunju 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna żar iċ-Ċentru tal-Hospice Movement li jinsab f’Ħal Balzan. Huwa ltaqa’ mal-pazjenti u l-voluntiera li jaħdmu f’dan il-post u bierek vann ġdid li se jintuża għall-pazjenti bil-marda tal-kanċer.
Il-Messaġġ tal-Arċisqof
-
-
Ħal Balzan
2 ta’ Ġunju 2015
Nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom. Impressjonajt ruħi minn kemm ilkom tagħmlu dan ix-xogħol, jiġifieri għal diversi snin, snin twal ta’ volontarjat.Il-preżenza tagħkom u ankè x-xhieda tagħkom hija xhieda għad-dinjità tal-bniedem f’kull ċirkostanza tiegħu. Hija wkoll sejħa għas-soċjetà biex tapprezza d-dinjità tal-bniedem fid-dgħufija tiegħu. Ngħixu f’soċjetà fejn l-idoli huma dawk li huma b’saħħithom, li huma sbieħ, li huma żgħażagħ. Intom iżda, qed tgħaddu messaġġ li persuni oħrajn li jinsabu f’diffikultà, fil-mard, fid-dgħufija, għandhom ukoll id-dinjità tagħhom, għandhom bżonn is-sapport li intom qegħdin tagħtu u ta’ dan nirringrazzjakom ħafna.Qed nirrealizza wkoll li kien hemm min iltaqa’ mal-Hospice Movement minħabba ċ-ċirkostanza tal-ħajja, u minn klijent sar voluntier. U din hija storja sabiħa ta’ trasformazzjoni, ta’ rwol, li inti malli tirrealizza s-sħuħija u l-ġid li jagħmel il-Hospice Movement, issir parti mill-Hospice. Jalla din l-esperjenza tikber u jiena bil-qalb inberikha, u nirringrazzjakom ħafna. +✝ Charles J. SciclunaArċisqof ta’ Malta -
Ritratti: Photocity, Valletta.