-
-
L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Mons. Carmelo Zammit bħala Vigarju Ġudizzjali. Mons. Zammit ser ikun qed jieħu post Mons. Arthur Said Pullicino li offra r-rizenja tiegħu hekk kif għalaq l-età ta’ 80 sena.
Mons. Carmelo Zammit twieled il-Gudja fid-19 ta’ Diċembru 1949, u ġie ordnat saċerdot fl-20 ta’ Lulju 1974.
Bejn l-1967 u l-1974, studja fl-Università ta’ Malta u ggradwa b’Baċellerat fil-Filosofija, fit-Taljan u fl-Ekonomija, u kiseb Liċenzjat fit-Teoloġija. Bejn l-1974 u l-1976 studja fl-Università Pontifiċja tal-Lateran, u kiseb liċenzjat fil-Liġi Kanonika.
Wara li temm l-istudji tiegħu f’Ruma, kien mistieden mill-Isqof ta’ Ġibiltà biex jagħti servizz saċerdotali fid-Djoċesi ta’ Ġibiltà, fejn serva bejn l-1976 u l-1998. Meta kien jgħix Ġibiltà huwa nħatar Vigarju Ġudizzjali. Kien ukoll Kappillan fl-Iskejjel Komprensivi tas-Subien u l-Bniet bejn l-1976 u l-1987.
-
-
-
Fl-1985 inħatar Kappillan u serva fil-Parroċċa ta’ Santa Tereża sal-1991, u fil-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù bejn l-1991 u l-1998. F’Ġibiltà serva wkoll bħala d-delegat tal-Isqof fuq il-Bord tal-Edukazzjoni Reliġjuża għall-Iskejjel tal-Gvern, u meta kien Kappillan tal-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù serva wkoll bħala Kappillan tal-Ħabs u bħala membru fuq il-Bord tal-Ħabs.
Hekk kif irritorna Malta fl-1998, Mons. Zammit inħatar Kanċillier tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, u Imħallef fit-Tribunal tat-Tieni Istanza bejn l-1999 u l-2007. Wara, inħatar bħala Assistent tal-Vigarju Ġudizzjali fit-Tribunal Metropolitan tal-Ewwel Istanza. Huwa jservi wkoll fil-Parroċċa ddedikata lit-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija, il-Gudja.
Fl-1997 ingħata t-titlu ta’ Prelat tal-Qdusija Tiegħu, filwaqt li fl-2005 inħatar Kanonku tal-Kapitlu Metropolitan. Fl-2010 ġie elett President tal-Kapitlu Metropolitan u ilu mill-2009 membru tal-Kunsill tal-Fondazzjoni tal-KonKatidral ta’ San Ġwann.