-
-
Seminar u Kunċert dwar il-mużika kontemporanja Maltija – Kompożituri kontemporanji jġeddu l-vuċi ta’ Orpheus
L-avveniment se jsir fir-Refettorju l-Qadim, il-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana.
Hearing Orpheus Today huwa avveniment mużikali li jikkonsisti f’seminar u kunċert li t-tnejn li huma se jsiru nhar is-Sibt 9 ta’ Mejju fir-Refettorju l-Qadim tal-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana. Din se tkun opportunità ta’ darba biex il-kompożituri li se jipparteċipaw jiltaqgħu flimkien ħalli jiddiskutu l-fehmiet tagħhom dwar it-tejatru kontemporanju. Dan is-seminar ta’ sagħtejn se jibda fid-9.30 ta’ filgħodu. Imbagħad, filgħaxija, fit-8, se jsir kunċert ta’ chamber music. Mużiċisti lokali u barranin, li se jkunu hawn Malta apposta għal din l-okkażjoni, se jdoqqu waqt dan il-kunċert, f’post ta’ valur artistiku kbir. Il-pubbliku ġenerali huwa mistieden biex jattendi.
Il-vuċi ta’ Orpheus tkompli tiġġedded illum, grazzi għall-kompożituri kontemporanji. Fil-fatt, permezz tal-mużika, il-leħen ta’ dan il-personaġġ mitoloġiku xorta waħda jibqa’ jissemma minkejja l-lingwi differenti li jintużaw illum il-ġurnata. Dan se jkun is-suġġett prinċipali li se jiġi diskuss waqt is-seminar dwar it-tejatru kontemporanju, organizzat minn Roberta A. Caruana u l-kompożitur Taljan, Federico Favali. Is-seminar se jsir bejn id-9.30 u l-11.30 ta’ filgħodu, fir-refettorju. Il-kelliema se jitkellmu fuq l-idejat tagħhom dwar it-tejatru kontemporanju u l-involviment personali tagħhom f’dawn l-avvenimenti. Il-kompożituri involuti huma Reuben Pace, Véronique Vella u Ruben Zahra, kif ukoll Federico Favali u Roberta A. Caruana. Is-seminar huwa miftuħ b’mod speċjali għall-mużikoloġisti u studenti tal-mużika.Fl-istess ġurnata, fit-8.00 ta’ filgħaxija, se jsir kunċert ta’ chamber music fl-istess sala. Il-mużiċisti Maltin u barranin, se jdoqqu kompożizzjonijiet ta’ Charles Camilleri, Mariella Cassar-Cordina, Federico Favali, John Galea, Reuben Pace, Véronique Vella u Ruben Zahra. Xi wħud minn dawn ix-xogħolijiet se jindaqqu għall-ewwel darba f’Malta. L-istrumentazzjoni f’dawn ix-xogħolijiet mużikali tvarja bejn strumenti tal-korda, tan-nifs, perkussjoni, vuċi u elettronika. Id-dħul għall-pubbliku huwa b’xejn.“L-organizazzjoni ta’ dan l-avveniment ġabet diversi sfidi. Madanakollu, nittama li s-seminar u l-kunċert iservu ta’ opportunità biex il-Maltin japprezzaw u jsiru iktar familjari mal-mużika Maltija li qed tinkiteb illum,” tgħid Roberta A. Caruana. “Huwa interessanti ferm li tiddiskuti t-tejatru kontemporanju ma’ kompożituri oħrajn. Is-seminar għandu jkun okkażjoni li tiġbor flimkien persuni li huma involuti fix-xena mużikali, bit-tama li d-djalogu tagħhom jiżviluppa f’idejat ġodda dwar is-suġġett konċernat,” jgħid Federico Favali.Għal iktar informazzjoni: [email protected]