• F’Novembru 2014, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija ħabbar li se jkun hemm erba’ u sittin post għas-subien u wieħed u disgħin post għall-bniet għall-ewwel sena kindergarten fl-iskejjel tal-Knisja.
     
    F’Novembru stess saru l-applikazzjonijiet tal-ewwel kriterju, ta’ dawk li jieħdu post mill-ewwel għax, per eżempju, għandhom ħuthom diġà fi skola tal-Knisja. F’Jannar, is-Segretarjat kien ħareġ stqarrija għall-istampa, kif jagħmel kull sena, fejn spjega kemm kienu l-applikazzjonijiet tal-ewwel kriterju u konsegwentement kemm kien baqa’ postijiet, jiġifieri ħamsa u għoxrin għas-subien u tletin għall-bniet.
     
    Minn Jannar sal-lum saru l-applikazzjonijiet għall-applikanti oħra, fosthom anke dawk ta’ każijiet serji. Is-Segretarjat qed jikkalkula li jiġu reġistrati f’kindergartens tal-Knisja, massimu ta’ għaxar studenti ta’ każijiet serji. Ta’ min jiftakar li s-Segretarjat irċieva sebgħa u erbgħin applikazzjoni ta’ każijiet serji, u li r-riżultat tal-polza tagħhom jinsab fuq il-websajt tal-Kurja.
     
    F’dawn l-aħħar ġimgħat saru l-poloz għall-għażla ta’ skola għall-Form 1, għall-ewwel sena primarja u għat-tieni sena kindergarten. Fost dawk li telgħu bil-polza hemm applikanti li ħuthom applikaw f’livelli differenti, per eżempju tifla fl-ewwel sena primarja u tifla fl-ewwel sena kindergarten jew anke fl-istess sena (tewmin jew triplets). Fil-listi ppublikati mis-Segretarjat fuq il-websajt tal-Kurja, dawn l-aħwa huma ndikati b’referenza għan-numru tal-applikazzjoni tagħhom. Skont ir-Regolament dawn l-aħwa jistgħu jdaħħlu lill-ħuthom jekk ikun hemm post fl-istess skola li jagħżlu. Is-Segretarjat ikkalkula li b’dan il-kriterju hemm il-possibilità massima ta’ wieħed u għoxrin tifel u wieħed u tletin tifla li jistgħu jkollhom post fl-ewwel sena kindergarten.

    Ta’ min jinnota li fir-realtà huwa diffiċli li l-aħwa l-kbar kollha jagħżlu skola li fiha jkunu jistgħu jidħlu fiha ħuthom iż-żgħar. Huwa diffiċli wkoll li tewmin u triplets kollha jiġu minn tal-ewwel fil-polza tal-ewwel sena kindergarten. Għalhekk, aktar ‘il quddiem huwa probabli li jkun hemm postijiet għall-ewwel sena kindergarten.

    Is-Segretarjat jikkonferma li minkejja limitazzjonijiet fin-numru ta’ postijiet fl-ewwel sena kindergarten, il-polza tal-għażla xorta se ssir nhar is-Sibt, 18 ta’ April 2015, fis-Sala tal-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl, ir-Rabat. Il-polza tas-subien tibda fid-9:00 a.m. u dik tal-bniet tibda fil-11:15 a.m.. Ir-riżultat tal-polza jkun fuq il-websajt tal-Kurja – www.thechurchinmalta.org – nhar it-Tnejn, 20 ta’ April 2015. Jekk ikun hemm postijiet vakanti, dawk li jkun imisshom jiġu nfurmati b’ittra. L-għażla ta’ skola ssir fis-16 ta’ Mejju fil-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl.