-
-
Nhar is-Sibt 28 ta’ Frar 2015, l-Arċisqof-elett Mons. Charles J. Scicluna iċċelebra quddiesa fil-knisja Parrokkjali ta’ Ħal Lija. Fost dawk preżenti kien hemm il-ġenituri ta’ Mons. Scicluna, li flimkien miegħu huma residenti f’dan ir-raħal. F’isem il-parroċċa, l-kappillan offra lill-Eċċellenza Tiegħu rigal ta’ tifkira.
L-Omelija tal-Arċisqof-elett Mons. Charles J. Scicluna
-
-
Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Lija
28 ta’ Frar 2015
Il-Vanġelu ta’ San Mark, waqt li jirrrakonta l-mument sabiħ tat-Trasfigurazzjoni, jagħtina dettalji li ma jagħtuniex l-evanġelisti San Mattew u San Luqa. San Mark jitkellem dwar il-bjuda li tgħammex tal-libsa tal-Mulej Ġesù: “ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk” (Mk 9, 3).
Il-libsa bajda tfakkarna fl-Għid il-Kbir meta n-nisa twajba, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, marru jippruvaw ikomplu jagħtu qima lill-ġisem mejjet ta’ Ġesù, u sabu l-ġebla mgerrba. Hemmhekk raw żewġt irġiel libsin ilbies abjad (ara Lq 24, 1-4). Din kienet għalihom l-ewwel esperjenza tal-irxoxt ta’ Ġesù.
Aħna wkoll, fil-Magħmudija, ngħatajna libsa bajda. Ovvjament, peress li konna trabi, din il-libsa bajda kienet ċkejkna u m’għadhiex tiġina. Imma hu u jagħti l-libsa l-bajda, is-saċerdot lill-imgħammed il-ġdid jgħidlu: “qis li żżommha bla tebgħa”. Aħna nafu kemm hu diffiċli illi l-libsa l-bajda li tingħata lilna fil-magħmudija nżommuha bla tebgħa. “Ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ iġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk”. Imma l-Mulej jista’. It-tebgħa fuq il-libsa l-bajda tal-Magħmudija, il-Mulej jista’ jnaddafilna u jneħħihielna.
Jiena u nħares lejn ix-xbieha għażiża tas-Salvatur, u narah b’dik il-libsa bajda, niftakar li jiena wkoll ingħatajt libsa bajda fil-magħmudija, li ħafna drabi ntebbagħha bid-dnub. Kultant, speċjalment meta tikber fl-età, tgħid ‘il-libsa l-bajda tiegħi, b’kemm-il dnubiet ttebbgħet? U min se jnaddafieli?’. “L-ebda ħassiel fid-dinja”, imma l-Mulej jista’. Il-misteru tat-trasfigurazzjoni niltaqgħu mieghu fit-2 Ħadd tar-Randan ta’ kull sena (mhux biss fis-6 ta’ Awwissu) biex f’din il-mixja tar-Randan jagħmlilna kuraġġ. U nisimgħu lill-Missier jgħidilna biex nużaw is-sensi tagħna tajjeb. “Isimgħu lilu” (Mk 9, 7).
Fit-talba tal-bidu tal-quddiesa tal-lum, tat-tieni Ħadd tar-Randan, il-Knisja titlob grazzja partikolari fuq żewġ sensi tagħna. L-ewwel, is-sens tal-ħars: nithennew naraw il-glorja tiegħek. Aħna, in-nies ta’ Ħal Lija, fis-6 ta’ Awwissu nogħxew bil-ġmiel ta’ Ġesù. Imma din hija l-vokazzjoni ta’ kull Nisrani li juża’ d-don li tara biex jara l-glorja ta’ Alla. Inaddaf il-għajnejn tar-ruħ tagħna! Xi tfisser? Tfisser li jiena nara bniedem imċerċer, se jmut bil-bard, u fih nara lil Ġesù. Ma nibżax minnu imma ngħid: il-Mulej qed isaffi l-għajnejn ta’ ruħi. Jiena nara marid l-isptar u mmur inżuru għax fih nara ħija għażiż fil-Mulej. Il-Mulej jaghtini l-grazzja immur lil hemm mill-perċezzjoni ordinarja, minn dak li jaraw l-għajnejn, u Hu jnaddafli l-għajnejn ta’ ruħi.
It-tieni sens huwa dak tas-smigħ. Il-grazzja li aħna nisimgħu l-kelma ta’ Ġesù. Din il-proposta tal-Missier: “Dan hu ibni l-għażiż. Isimgħu lilu”. Isimgħu lilu! U għalhekk il-Knisja titlob li aħna nitmantnew b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġesù. Is-silta mill-Vanġelu ta’ San Mark tispiċċa propju b’dan is-sigriet li Ġesù jimponi fuq dawn it-tlett dixxipli: tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet. Fil-qawmien ta’ Ġesù li aħna se niċċelebraw fl-Għid il-Kbir, nifhmu din l-esperjenza tat-Trasfigurazzjoni. Huma żammew kollox moħbi, evidentement sakemm il-Mulej qam mill-imwiet, għaliex fis-silenzju tagħhom hemm ukoll il-qawwa tal-kelma. Żammew is-silenzju u fil-qawmien tiegħu setgħu jifhmu x’ġara tassew fuq il-muntanja Tabor, imbagħad saru xhieda, u l-kelma tagħhom ma waqqafha ħadd. Il-kelma tagħhom ma waqqafha ħadd!
Ejjew nitolbu biex il-kelma li tħabbar l-irxoxt ta’ Ġesù, it-trasfigurazzjoni qaddisa tiegħu, tibqa’ tidwi fid-dinja permezz tax-xhieda sabiħa tagħna. Ejjew nitolbu li l-ħars tagħna jkun minn għajnejn imsoffija bil-grazzja t’Alla, u s-smigħ tagħna jfittex il-kelma ta’ Ġesù.
✝ Charles Jude Scicluna
Isqof titulari ta’ San Leone
Arċisqof-elett ta’ Malta
-
-
Ritratti: Photocity, Valletta.
www.photocitymalta.com