• Postijiet għat-tfal fl-iskejjel tal-Knisja fl-ewwel sena sekondarja

    Fis-26, 27 u 30 ta’ Jannar ser jintlaqgħu l-applikazzjonijiet tat-tielet kriterju “Applikanti Oħra” għall-ewwel sena sekondarja għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja għas-sena skolastika 2015-2016. Aktar dettalji jinsabu fir-Regolamenti tad-Dħul li jinsabu fuq il-websajt tal-Knisja f’Malta.

    F’Novembru 2014 saru l-applikazzjonijiet skont l-ewwel kriterju għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja. Hawn taħt se nagħtu rendikont ta’ kemm applikaw skont l-ewwel kriterju u kemm baqa’ postijiet vakanti għall-ewwel sena sekondarja.
     
    L-Ewwel Sena Sekondarja Subien
    It-total ta’ postijiet vakanti għall-ewwel sena sekondarja subien huwa ta’ mitejn tnejn u ħamsin (252) post. 
    Għall-ewwel sena sekondarja subien kellna dan it-total ta’ applikanti:

     1b Aħwa 40
     1ċ Tfal ta’ Impjegati fi skejjel tal-Knisja 3
     1e Tfal minn skola bla kontinwità 83
     Tfal tal-ewwel kriterju li applikaw bħala Każijiet Serji 28
     Każijiet Serji Refuġjati 5
     Total 159
     
    It-total ta’ applikanti ta’ skola bla kontinwità kien ta’ 90 iżda 7 minnhom applikaw bil-kriterju tal-aħwa u bil-kriterju ta’ skola bla kontinwità. Mal-postijiet okkupati qed jiġu riżervati ħames postijiet għal tfal li meta huma jew il-ġenituri tagħhom ġew Malta applikaw għall-ażil (refuġjati). Meta nnaqqsu n-numru ta’ postijiet okkupati (159) mit-total ta’ postijiet vakanti (252), iħalli total ta’ tlieta u disgħin (93) post. Għandna wkoll ħames applikazzjonijiet tal-ewwel kriterju għal skejjel li bħalissa ma għandhomx post vakant. Jekk jinħoloq post vakant fl-iskola rilevanti dawn jinkitbu fiha.
     
    L-Ewwel Sena Sekondarja Bniet
    It-total ta’ postijiet vakanti għall-ewwel sena sekondarja bniet huwa ta’ sitta u erbgħin (46) post. 
    Għall-ewwel sena sekondarja bniet kellna dan it-total ta’ applikanti:

     1b Aħwa 4
     1ċ Tfal ta’ Impjegati fi skejjel tal-Knisja  3
     1e Tfal minn skola bla kontinwità  17
     Tfal tal-ewwel kriterju li applikaw bħala Każijiet Serji  6
     Total  30

    It-total ta’ applikanti ta’ skola bla kontinwità kien ta’ 18 iżda 1 minnhom applikat bil-kriterju tal-aħwa u bil-kriterju ta’ skola bla kontinwità. Fl-iskejjel primarji ta’ St Francis għandna aktar studenti milli jistgħu jiġu aċċettati fl-iskola sekondarja ta’ St Francis. Għalhekk se jiġi riżervat post għal dawn l-istudenti. Peress li dan il-proċess għadu mhux konkluż, ma nistgħux niddeterminaw kemm se jkun in-numru ta’ postijiet vakanti għall-“Applikanti Oħra” tat-tielet kriterju.

    Għandna wkoll applikazzjoni għal skola li bħalissa ma għandhiex post vakant. Jekk jinħoloq post vakant fl-iskola rilevanti din tinkiteb fiha.
     
    Każijiet Serji
    Peress li n-numru tal-applikazzjonijiet ta’ tfal bi bżonnijiet edukattivi tal-ewwel kriterju huwa kbir ħafna, l-iskejjel m’għandhomx iżjed postijiet vakanti għal tfal tat-tielet kriterju “Applikanti Oħra” li diġà għandhom LSA. F’din iċ-ċirkustanza se jintlaqgħu applikazzjonijiet ta’ tfal li qegħdin fil-proċess ta’ statementing jew għandhom rapport psikoloġiku. Dan isir kif indikat f’paragrafu 13 tar-Regolamenti tad-Dħul tal-Każijiet Serji.

    Il-Kummissjoni tal-Każijiet Serji tistudja dawn l-applikazzjonijiet. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-applikant probabilment mhux se jingħata LSA mill-iStatementing Moderating Board, l-applikazzjoni titqiegħed fil-Polza ta’ Parteċipazzjoni. Peress li ma hemmx postijiet aktar għal tfal bl-LSA, ma hux possibli li jingħata post lil tfal li l-Kummissjoni tiddeċiedi li probabilment għandhom bżonn LSA. Mill-banda l-oħra se jkunu qed jintlaqgħu applikazzjonijiet ta’ Każijiet Soċjali.
     
    Konklużjoni
    Hemm ċans li fost l-applikanti oħra jkun hemm aħwa li qed japplikaw għall-istess sena (p.eż tewmin) jew għal snin tad-dħul differenti (Para. 3.1). Meta wieħed minn dawn l-aħwa jirreġistra fi skola, iż-żgħir jikkwalifika skont il-Kriterju tal-Aħwa. Dan japplika wkoll għall-aħwa bniet. Dan ifisser li n-numru ta’ postijiet vakanti jerġa’ jonqos skont kemm ikun hemm minn dawn l-aħwa.

    Minkejja l-attenzjoni kollha sabiex il-figuri maħruġin ikunu korretti, jistgħu jirriżultaw xi ineżattezzi minħabba ċirkustanzi li ma għandniex kontroll fuqhom. Fi ftit każijiet għad jonqos xi dokumentazzjoni li għad trid tiġi preżentata. Għalhekk jista’ jirriżulta xi tibdil fin-numri ta’ postijiet vakanti. Jekk jiġri dan il-Bord tad-Dħul jinforma lil dawk kollha konċernati.


    ​Postijiet għat-tfal fl-iskejjel tal-Knisja fit-tieni sena Kindergarten

    Fis-26 u s-27 ta’ Jannar u fit-2 ta’ Frar ser jintlaqgħu l-applikazzjonijiet tat-tielet kriterju “Applikanti Oħra” għat-tieni sena kindergarten għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja għas-sena skolastika 2015-2016. Aktar dettalji jinsabu fir-Regolamenti tad-Dħul li jinsabu fuq il-websajt tal-Knisja f’Malta.

    F’Novembru 2014 saru l-applikazzjonijiet skont l-ewwel kriterju għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja. Hawn taħt se nagħtu rendikont ta’ kemm applikaw skont l-ewwel kriterju u kemm baqa’ postijiet vakanti għat-tieni sena kindergarten.
     
    It-Tieni Sena Kindergarten Subien
    It-total ta’ postijiet vakanti għat-tieni sena kindergarten subien huwa ta’ mija wieħed u tletin (131) post. 
    Għat-tieni sena kindergarten subien kellna dan it-total ta’ applikanti:

     Kriterju Applikanti
     1b Aħwa 23
     1ċ Tfal ta’ Impjegati fi skejjel tal-Knisja 3
     Tfal tal-ewwel kriterju li applikaw bħala Każijiet Serji 4
     Każijiet Serji Refuġjati 2
     Total ta’ applikanti tal-ewwel kriterju subien 32
     
    Żewġ applikanti talbu trasferiment bejn skejjel tal-istess kongregazzjoni, Kriterju 1d, u dawn ma tnaqqsux mit-total ta’ postijiet vakanti għaliex filwaqt li se jokkupaw post fi skola, iħallu post vakant fl-iskola fejn jattendu. Mal-postijiet okkupati qed jiġu riżervati żewġ postijiet għal tfal li meta huma jew il-ġenituri tagħhom ġew Malta applikaw għall-ażil (refuġjati). Meta nnaqqsu
    t-total ta’ postijiet okkupati (32) mit-total ta’ postijiet vakanti (131), dan iħalli total ta’ disgħa u disgħin (99) post vakant.
     
    Infakkru li jiġu aċċettati xi każijiet serji skont it-tielet kriterju, għalhekk it-total ta’ postijiet vakanti jerġa’ jonqos. Ukoll fost l-applikanti oħra jkun hemm aħwa li qed japplikaw għall-istess sena (p.eż tewmin) jew għal snin tad-dħul differenti (Para. 3.1). Meta wieħed minn dawn l-aħwa jirreġistra fi skola, iż-żgħir/a j/tikkwalifika skont il-Kriterju tal-Aħwa. Dan ifisser li n-numru ta’ postijiet vakanti jerġa’ jonqos skont kemm ikun hemm minn dawn l-aħwa.
     
    It-Tieni Sena Kindergarten Bniet
    It-total ta’ postijiet vakanti għat-tieni sena kindergarten bniet huwa ta’ mitejn ħamsa u disgħin (295) post.
    Għat-tieni sena kindergarten bniet kellna dan it-total ta’ applikanti:

     Kriterju Applikanti
     1b Aħwa 87
     1ċ Tfal ta’ Impjegati fi skejjel tal-Knisja 15
     1e Eżenzjoni f’każijiet serji ta’ żmien barra minn Malta 1
     Tfal tal-ewwel kriterju li applikaw bħala Każijiet Serji 3
     Każijiet Serji Refuġjati 5
     Total ta’ applikanti tal-ewwel kriterju bniet 111

     
    Sitt applikanti talbu trasferiment bejn skejjel tal-istess kongregazzjoni, Kriterju 1d. Għalhekk it-total ta’ postijiet okkupati minnhom ma jitnaqqasx mit-total ta’ postijiet vakanti għaliex filwaqt li dawn se jokkupaw post fi skola, iħallu post vakant fl-iskola fejn jattendu. Mal-postijiet okkupati qed jiġu riżervati ħames postijiet għal tfal li meta huma jew il-ġenituri tagħhom ġew Malta applikaw għall-ażil (refuġjati). Meta nnaqqsu n-numru ta’ postijiet okkupati (111) mit-total ta’ postijiet vakanti (295), dan iħalli total ta’ mija, erbgħa u tmenin (184) post vakant. 

    Infakkru li jiġu aċċettati xi każijiet serji skont it-tielet kriterju, għalhekk it-total ta’ postijiet vakanti jerġa’ jonqos. Ukoll fost l-applikanti oħra jkun hemm aħwa li qed japplikaw għall-istess sena (p.eż tewmin) jew għal snin tad-dħul differenti (Para. 3.1). Meta waħda minn dawn l-aħwa tirreġistra fi skola, iż-żgħir/a j/tikkwalifika skont il-Kriterju tal-Aħwa. Dan ifisser li n-numru ta’ postijiet vakanti jerġa’ jonqos skont kemm ikun hemm minn dawn l-aħwa.
     
     
    Konklużjoni
    Minkejja l-attenzjoni kollha sabiex il-figuri maħruġin ikunu korretti, jistgħu jirriżultaw xi ineżattezzi minħabba ċirkustanzi li ma għandniex kontroll fuqhom. Fi ftit każijiet għad jonqos xi dokumentazzjoni li għad trid tiġi preżentata. Għalhekk jista’ jirriżulta xi tibdil fin-numri ta’ postijiet vakanti. Jekk jiġri dan il-Bord tad-Dħul jinforma lil dawk kollha konċernati.