• Nhar it-Tnejn 15 ta’ Diċembru 2014, l-Isqof Charles J. Scicluna, Amministratur Appostoliku sede vacante attenda kunċert fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fil-ftuħ taċ-ċelebrazzjonijiet fl-okkażjoni tal-50 sena mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza. Il-Kunċert ittella’ mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, bil-kollaborazzjoni ta’ RTK4Charity u bil-korteżija tal-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, taħt il-patroċinju distint tal-E.T. il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca.

    Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast il-Maġġur John Ivan Borg, u daqqet kompożizzjoni li nkitbet għall-okkażjoni bl-isem: ISPIRAZZJONI DIVINA, kitba ta’ Sunny Aquilina, muzika ta’ Mro Ray Sciberras. Jiehdu sehem is-sopran Rosabelle Bianchi, il-Coro Bel Canto u l-kor tat-tfal mill-Kullegg De La Salle.
     
    Fl-2015, id-Dar tal-Providenza ser tiċċelebra il-50 sena mit-twaqqif tagħha minn Mons. Mikiel Azzopardi.  Illum din id-Dar ghandha mal-mitt resident fi djar differenti, tmexxi tlett idjar fil-komunita’ u toffri wkoll servizz ta’ respite.  Biex twettaq din il-ħidma, id-Dar tal-Providenza għandha bżonn mat-tlett miljuni u nofs Ewro fis-sena. Dan il-kunċert ittella’ biex ikomplu jinġabru aktar fondi b’riżq l-istess Dar.

    • ​Il-Messaġġ tal-Isqof Charles J. Scicluna fi tmiem kunċert b’risq id-Dar tal-Providenza fil-bidu taċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 sena tal-istess Dar

  • Eċċellenza għażiża President ta’ Malta, Eċċellenzi Isqfijiet Emeriti, personalitajiet distinti, membri tal-pubbliku, L-ewwelnett nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza tagħkom.

    Waqt li qed nisma’ l-mużika sabiħa ta’ Sciberras u l-lirika straordinarja ta’ Aquilina, irringrazzjajt lill-Mulej ta’ tant talenti li għandna f’pajjiżna, u li jingħaqdu ħaġa waħda biex jiċċelebraw il-ġenerożità straordinarja tagħna bħala poplu.

    Nixtieq infakkar silta mużikali mill-aktar sabiħa – il-Highland Cathedral – li smajtha għall-ewwel darba f’Jum ir-Repubblika, waqt il-parata li għaliha stidintni, Eċċellenza President. U allura hemm għaqda ideali bejn dak li ċċelebrajna flimkien fit-13 ta’ Diċembru: l-40 anniversarju tar-Repubblika u tal-Presidenza tar-Repubblika, u anke l-preżenza tagħna hawnhekk illejla.

    Kif qalet il-President tar-Repubblika fl-indirizz tagħha fl-okkażjoni tat-13 ta’ Diċembru, il-ħolma tagħna bħala pajjiż trid tkun li nkunu soċjetà nklussiva. Eċċellenza, inti użajt il-frażi feliċi ‘demokrazija inklussiva’ fejn kulħadd iħossu komdu li hu ċittadin ta’ dan il-pajjiż, fejn kulħadd iħossu milqugħ. Fejn, kif qalet il-Profesoressa Gauci, kulħadd ikun irrispettat fid-dinjità tiegħu. Ħadd m’għandu jkun apprezzat b’xi kompassjoni li tħares minn fuq għal isfel, imma kull bniedem għandu jkun rispettat b’dinjità, b’solidarjetà vera li aħna urietna minn missirijietna, li ġiet imseddqa bit-tagħlim tal-Evanġelju li waslitilna l-Knisja. It-tama tiegħi hi li aħna l-Insara nibqgħu xhieda ta’ din is-solidarjetà nklussiva, u dan b’mod speċjali f’dan l-istaġun infakkru t-twelid ta’ Alla magħmul bniedem, li ismu huwa Salvatur – ‘Alla jsalva’ – imma huwa wkoll ‘Alla magħna’. Alla huwa preżenti magħna billi sar wieħed minna. X’hemm iżjed inklussiv minn dan? Jiġifieri li d-Divinità, biex issalvana, tieħu fiha wkoll l-umanità.

    Għalhekk, aħna u niftakru l-memorja ta’ Monsinjur Mikiel Azzopardi, u nagħtu bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 anniversarju minn din l-ispirazzjoni Divina li wasslet għat-twaqqif tad-Dar tal-Providenza, kif qalu tajjeb u b’tant ħeġġa t-tfal ta’ De La Salle, tajjeb nagħrfu li din l-ispirazzjoni kellha bżonn l-għajnuna ta’ xi ħadd. Qed nirreferi għall-qalb ġeneruża ta’ mara li kellha pjan li tmur safra, imma l-mitt Lira li kellha biex issiefer iddeċidiet li tagħtihom lil dan il-viżjunarju kbir. Dan ma kienx biss xi ħadd li joħlom, imma kien xi ħadd li jġiegħel lil ħaddieħor jentużjażma ruħu. U Alla jgħin lil kulħadd permezz tagħna, bħalma se nagħmlu llejla, u ta’ dan nirringrazzjawkom bil-quddiem.

    Eċċellenza, ippermettili ngħid grazzi lilek tal-preżenza tiegħek bħala Kap tal-Istat. Il-preżenza tiegħek għalina mhux biss hija sostenn, imma xhieda ta’ kemm l-Istat Malti japprezza l-inizjattivi li joħorġu mill-volontarjat u miċ-ċittadini. Grazzi ħafna tas-sapport li tagħtina, li tagħti lil tant NGOs u tagħti anki lill-Knisja, u ta’ dan nirringrazzjawk ħafna. Nixtieq bħala ragħaj ta’ din il-Knisja ad interim, inwassal il-gratitudini tiegħi lilek personalment u lill-Istat Malti talli dejjem apprezza dak li nagħmlu flimkien. Grazzi mill-qalb!  

    Nieħu din l-okkażjoni biex nagħtikom minn issa l-Milied it-tajjeb u s-Sena l-Ġdida mimlija risq. 

    Charles Jude Scicluna
         Isqof titulari ta’ San Leone
         Amministratur Appostoliku ta’ Malta