-
Omelija tal-Isqof Scicluna f’Jum Il-Milied 2013
-
Ejjew Nagħrfu l-Maxtura ta’ Sidna
L-Evanġelu tal-Quddiesa tas-Sebħ f’Jum il-Milied jibda bid-deċiżjoni tar-rgħajja: “Ejjew immorru lejn Betlem”. Riedu jaraw b’għajnejhom is-sinjal li kien tahom l-anġlu tal-Mulej: « issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura ».” (Lq 2 :12).
Madwar Betlem kien hemm ħafna maxturi. L-isem « Betlem » (Beth Lehem) innifsu jfisser « Dar il-Ħobż ». Kull għar li joffri kenn lill-bhejjem kellu l-maxturi tiegħu. Iżda fil-Lejl Qaddis tal-Milied maxtura waħda kellha fiha tarbija mfisqija, lit-tarbija Ġesù. Maxtura waħda ħaddnet, mhux biss l-għalf għall-annimali, iżda wkoll lill-Iben tal-Ħallieq, lil dak li qal: « Jien il-Ħobż tal-Ħajja ».
Madwar il-maxtura aħna nħobbu npoġġu l-baqra u l-ħmara. U nagħmlu ħaġa tajba li hija ispirata mill-profezija ta’ Isaija: « Il-gendus jagħraf lil sidu, u l-ħmar il-maxtura ta’ sidu » (Is. 1:3). Il-preżenza ħelwa u silenzjuża twissina u ċċanfarna. Aħna qegħdin infittxu n-nutriment tal-moħħ u tal-qalb tagħna mill-maxtura ta’ Sidna (fejn hemm il-Kelma ta’ Alla magħmul bniedem) jew qegħdin infittxu maxturi oħra u minflok għalf tajjeb nieklu l-velenu tal-ġrieden li jpoġġilna l-għadu tagħna?
Madwar il-maxtura ta’ Ġesù tarbija hemm ukoll mara u raġel: l-omm li nisslitu u r-raġel tagħha Ġużeppi li Alla għażlu biex irabbi, flimkien mal-omm, it-tarbija ta’ Marija. Alla li nissel lil Ibnu bħala bniedem mingħajr is-sehem ta’ raġel, ma riedx li l-istess Iben bħala bniedem ikun imrobbi mingħajr is-sehem ta’ raġel. Il-missjoni silenzjuża u essenzjali ta’ Ġużeppi kienet li jiżgura li t-tfajjel Ġesù, fit-trobbija tiegħu bħala bniedem, ma jkunx imċaħħad mill-għożża u l-eżempju tal-missier. Alla stess għażel li fit-trobbija ta’ Ibnu l-Maħbub ikun soġġett għall-għerf u l-liġi tal-ħolqien li trid li t-tarbija titrabba minn omm u missier, minn koppja ta’ raġel u mara u mhux minn koppja ta’ mara u mara jew koppja ta’ raġel u raġel.
It-Tarbija ħelwa ta’ Betlem taqlgħalna l-grazzja li min f’pajjiżna għandu s-setgħa jibni jew ifarrak, ikollu għerf u għaqal biżżejjed biex jibni u mhux ifarrak il-familja imsejsa fuq ir-rabta dejjiema bejn raġel wieħed u mara waħda. Il-messaġġ tal-Milied jibqa’ dejjem wieħed attwali. Jeżortana, iwissina, u jistedinna biex infittxu u nagħrfu l-Għerf Veru li tħaddan il-maxtura ta’ Sidna Ġesù.
✠ Charles J. Scicluna
Isqof tit. ta’ San Leone
Isqof Awżiljari u Vigarju Ġenerali ta’ Malta