Excelsior Hotel, Floriana

7 ta’ Mejju 2013

Fil-messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali li se jiġi ċċelebrat nhar il-Ħadd li ġej, il-Papa Benedittu XVI, f’messaġġ li tana f’Jannar, jitkellem dwar kif il-mezzi kontemporanji tal-komunikazzjoni soċjali jistgħu jservu għall-evanġelizzazzjoni. Dan qed jingħad fid-dawl tas-Sena tal-Fidi, li qegħdin niċċelebraw bħalissa, u fid-dawl tal-impenn tal-Knisja fl-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida. Il-Knisja, anke f’Malta, qed tfittex modi ġodda u effettivi biex twassal il-messaġġ tal-Vanġelu, insemmi hawnhekk n-news portal u l-użu tas-social media, fost l-oħrajn.

Filwaqt li l-Papa jirrikonoxxi kemm dawn il-mezzi huma effikaċi, jistqarr li jippreżentaw sfidi ġodda, speċjalment għal dawk li jixtiequ jitkellmu dwar il-verità u l-valuri, u aktar u aktar il-

"Nammira li dawk il-ġurnalisti li jagħmlu sagrifiċċji kbar biex ikunu qaddejja tal-verità, jew biex ikunu qaddejja tal-evanġelizzazzjoni, u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-bniedem. "

valuri tal-Vanġelu. Dan għaliex, sfortunatament, dak li l-aktar irieġi f’dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, mhijiex il-verità li tirrifletti l-valuri intrinsiċi tar-realtà, imma l-popolarità li hi magħquda mal-istrateġija ta’ kif tkun b’saħħtek fil-persważjoni. Jiġri li quddiem is-saħħa tal-persważjoni taqa’ kull loġika u kull argument. F’din is-sitwazzjoni diffiċli toħroġ il-verità.

Nixtieq li lkoll nifhmu li aħna rridu kunu qaddejja tal-Verità. Dan igħodd l-aktar għal dawk li għandhom influwenza fuq mijiet ta’ eluf ta’ nies, bħalkom l-edituri u l-ġurnalisti. Hawn nixtieq infakkarkhom fi kliem Ġesù, meta quddiem Pilatu qal: “Jien għalhekk twelidt u għalhekk ġejt fid-dinja biex nixhed għall-verità, u kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.” (Gw 18, 37). Min iħobb il-verità jrid jisma’ leħen Ġesù u jagħmel dak li jgħid hu, għax hu nnifsu hu l-verità. Ġesù jiddikjara lilu nnifsu bħala l-verità: “Jiena t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Gw 14, 6), għax hu l-Iben ta’ Alla, li hu l-verità assoluta. Għalhekk kull min jaqdi l-verità jkun qed jaqdi lil Alla.

Il-Papa jgħid li għalhekk fis-social media llum hemm bżonn li jinħoloq djalogu, u anke dibattitu jekk ikun il-każ, fuq il-bażi tal-loġika u r-raġuni, biex ilkoll nersqu lejn il-verità.

Jien inħoss li l-ġurnalisti, bħal Ġesù, qegħdin fid-dinja biex ikunu xhieda tal-verità. Dan hu li kulħadd jistenna minnkom, li intom twasslu din il-verità, għax is-sewwa ħabib Alla. Meta nirrappurtaw xi aħbar, l-ewwel dmir tagħna hu li nwasslu l-fatti kif ġraw. Kif diġa’ għidt, f’okkażjonijiet bħal din tal-lum, jinħtieġ li l-ewwel nirrapurtaw oġġettivament dak li jkun ġara, jew li jkun qed jiġri, imbagħad nagħtu l-interpretazzjoni tagħna. Importanti li min isegwi, jkun jista’ jagħmel distinzjoni bejn il-ġrajja u l-interpretazzjoni tal-ġrajja, biex inkunu fil-verità.

Dan jgħodd aktar għad-dinja tagħna, id-dinja tas-social media, fejn il-vuċi ġentili tar-raġuni tiġi fgata mill-eċċessività tal-informazzjoni. Is-saħħa qegħda f’kemm wieħed ikun kapaċi jattira l-attenzjoni u jxerred il-messaġġ tiegħu, kemm ikun kapaċi iħaddem it-teknika biex jagħmel dan, u mhux bilfors f’kemm dak li qed jingħad hu għall-ġid tal-bniedem, u għalhekk għall-qadi tal-verità.

Il-Papa jgħid li għalhekk fis-social media llum hemm bżonn li jinħoloq djalogu, u anke dibattitu jekk ikun il-każ, fuq il-bażi tal-loġika u r-raġuni, biex ilkoll nersqu lejn il-verità. Dan id-djalogu jfisser li jkun hemm rispett reċiproku għall-opinjonijiet differenti fejn kulħadd ikollu ċ-ċans li jsemma’ leħnu. Id-diversitá, inkluża dik kulturali, tista tarrikina f’ħafna aspetti tal-ħajja.

Dan ifisser li jrid jingħata ċ-ċans lil dawk li jridu jwasslu l-messaġġ ta’ Sidna Ġesù Kristu u l-valuri marbutin mad-dinjità umana kif joħorġu mill-istess Vanġelu, u mhux jiġu maħnuqa qabel jibdew jitkellmu, kif ġieli jiġri.

Il-Papa jħeġġeġ lill-Insara biex jimpenjaw ruħhom bil-qawwa kollha ħalli l-messaġġġ ta’ Ġesù Kristu jiġi mwassal fid-dinja diġitali, għaliex inkella jista’ jiġri li jkun hemm min jibqa’ mċaħħad milli jasallu dan il-messaġġ. Id-dinja diġitali mhijiex sempliciment spazju virtwali li wieħed jista’ juża, imma hija l-esperjenza ta’ kuljum fil-ħajja ta’ ħafna nies, speċjalment iż-żgħażagħ.

Dan l-impenn tal-insara jista’ jieħu diversi xejriet, bħal ngħidu aħna l-qsim tal-esperjenza tal-fidi. Il-Papa jħeġġeġ lill-Insara biex fuq dawn il-mezzi jirrakuntaw kif huma qegħdin jgħixu l-fidi tagħhom u jispjegaw il-ferħ li joħroġ minn din l-esperjenza. Id-dinja diġitali tista’ tkun il-mezz biex insiru nafu bil-ħtiġijiet ta’ xulxin u ngħinu lil xulxin kif jgħallimna Sidna Ġesù Kristu. Dawn il-mezzi, għalhekk għandhom iservu kemm għall-evanġelizzazzjoni, kif ukoll għall-iżvilupp tal-bniedem kollu u tal-bnedmin kollha.

Nammira li dawk il-ġurnalisti li jagħmlu sagrifiċċji kbar biex ikunu qaddejja tal-verità, jew biex ikunu qaddejja tal-evanġelizzazzjoni, u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-bniedem. Hemm min seta’ ġie ikkritikat bl-aħrax biex jagħmel dan, imma ma’ beżax u baqa’ jżomm mas-sewwa. Fuq livell internazzjonali, anke għaliex jien insegwi regolarment il-BBC, naf li jkun kien hemm numru konsiderevoli ta’ ġurnalisti li tilfu ħajjithom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Ta’ min ifaħħarhom. Jien nitlob għalihom u għall-familji tagħhom. Xi wħud minnhom dan is-sagrifiċċju ta’ ħajjithom għamluh għall-qadi tal-verità. Inħeġġiġkom f’isem Sidna Ġesù Kristu, l-verità nnifisha, biex bil-qalb u l-kuraġġ kollu nkomplu naqdu din l-verità.

Fl-aħħarnett nixtieq nitlobkom żewġ affarijiet. L-ewwel li tkomplu tikkolaboraw mal-Knisja f’Malta billi twasslu l-messaġġ tagħha li hu għas-servizz tal-verità, kif spjegajt qabel, u tfittxu li tkun din il-verità li tasal għand l-udjenzi tagħkom. It-tieni, fid-Djoċesi ser isir avveniment importanti, l-Ġimgħa Ewkaristika fl-okkażjoni tal-mitt anniversarju tal-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li sar f’Malta fl-1913. Kif ħabbarnilkom, dan ser isir fi tmien dan ix-xahar u fil-bidu ta’ Ġunju. Inħalli f’idejkom biex fid-dawl ta’ dak li għidna, intom tkunu qaddejja tal-verità waqt dan l-avveniment importanti għall-pajjiżna, quddiem il-misteru tal-Ewkaristija.

✠ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta