Illum it-Tlieta 7 ta’ Mejju 2013, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali, li ser jiġi ċċelebrat nhar il-Ħadd 12 ta’ Mejju, il-Segretarjat għall-Mezzi ta’ Komunikazzjoni Soċjali tal-Knisja f’Malta qed jorganizza Business Breakfast li se jitratta s-suġġett tal-Imparzjalità fil-Ġurnalizmu.

L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. stieden lill-edituri, deputy editors u diriġenti tal-organizzazzjonijiet tal-media biex jiddiskutu dan is-suġġett. Mistiedna wkoll l-ogħla uffiċjali tal-Awtorità tax-Xandir, tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin u tal-Press Ethics Commission.

Il-kelliem ewlieni ser tkun Ms Joanna Spiteri, li bħalissa qegħda tagħmel dottorat fl-Università ta’ Stirling, l-Iskozja, permezz ta’ riċerka dwar l-imparzjalità fl-aħbarijiet u bilanċ fi programmi ta’ ġrajjiet kurrenti fil-media lokali. Il-preżentazzjoni tagħha, bbażata fuq ir-riċerka li qegħda tagħmel, ser toffri wkoll spunt għad-diskussjoni.

Il-programm ta’ din l-attività jinkludi introduzzjoni mid-Delegat tal-Arċisqof, Fr Charles Tabone O.P.; preżentazzjoni minn Ms Joanna Spiteri; ħin għad-diskussjoni u interventi minn dawk preżenti, u messaġġ mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P.

Id-Diskussjoni ser tkun imxandra ‘live’ fuq il-paġna ta’ Newsbook permezz ta’ Livestream.