Meta kien għadu Kardinal, Jorge Mario Bergoglio, illum Papa Franġisku, kien qal li l-korruzzjoni hi agħar minn kull dnub ieħor minħabba li twebbes il-qalb kontra s-sens ta’ mistħija jew is-sens ta’ ħtija u twebbes il-qalb għas-sejħa ta’ Alla għall-konverżjoni. Qal li s-sitwazzjonijiet tad-dnub u l-istat tal-korruzzjoni huma żewġ realtajiet distinti, anki jekk intimament marbutin. Dawn il-kummenti tal-Papa Bergoglio sabu posthom f’fuljett oriġinalment ippubblikat fl-2005.

Bit-titlu “Corruption and Sin: Reflections on the Theme of Corruption”, il-fuljett kien ibbażat fuq artiklu li hu stess kien kiteb fl-1991 quddiem l-iskandlu tal-awtoritajiet lokali fl-Arġentina li kienu pruvaw jgħattu l-mewt ta’ tfajla minħabba li l-missirijiet ta’ dawk li qatluha kellhom rabtiet mal-politiċi u l-gvernatur lokali. Fl-introduzzjoni tal-ktejjeb, Bergoglio kien qal li ried jirriproduċi l-artiklu minħabba li l-problema tal-korruzzjoni tferrxet u kważi sfat innormalizzata fil-ħajja ta’ kuljum. Qal li filwaqt li huma ħafna d-dnubiet li jwasslu għall-korruzzjoni, il-midinbin jistgħu jagħrfu d-dgħufijiet tagħhom u huma konxji mill-maħfra. Hemm tidħol il-qawwa ta’Alla. Nies li huma korrotti, min-naħa l-oħra, spiċċaw f’għamad għat-traxxendenti, bit-talbiet u l-abbiltajiet tgħhom jispiċċaw jieħdu post Alla.