Pope Francis with Spain's PM

Fil-Palazz Appostoliku fil-Vatikan, il-Papa Franġisku laqa’ lill-Prim Ministru ta’ Spanja Mariano Rajoy Brey, li eventwalment iltaqa’ mas-Segretarju tal-Istat u mas-Segretarju għar-Relazzjonijiet bejn il-pajjiżi differenti, il-Kardinal Tarcisio Bertone u l-Arċisqof Domenique Mamberti rispettivament.

“F’atmosfera kordjali, it-taħditiet ippermettew skambju ta’ ideat dwar s-sitwazzjoni ekonomika-finanzjarja diffiċli fid-dinja, li laqtet ukoll pajjiżi fl-Ewropa bħal Spanja. Din is-sitwazzjoni wasslet għal iktar qgħad u laqtet ħafna familji, speċjalment żgħażagħ.Kien innutat l-isforz tal-Knisja quddiem dan kollu b’diversi ħidmiet ta’ karita minn Caritas u bosta assoċjazzjonijiet. Saret ukoll referenza għall-ħtieġa tad-djalogu fis-soċjeta u l-komponenti tagħha – djalogu bbażat fuq rispett reċiproku msejjes fuq valuri bħall-ġustizzja u s-solidarjeta lejn il-ġid komuni”, qalet l-istqarrija tal-Uffiċċju Stampa.

“Kienu nnutati wkoll ir-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi li dejjem tfittex li jissaħħu. Diskussi wkoll kienu ż-żwieġ u l-familja u l-importanza tal-edukazzjoni reliġjuża”.