Nhar il-Ġimgħa 5 t’April 2013, L-E.T. Mons Charles J. Scicluna, Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta ingħata merħba kbira mir-residenti u ħaddiema tad-Dar tal-Providenza fl-ewwel żjara uffiċċjali tiegħu fid-Dar fis-Siġġiewi. Huwa sab ħin biex jiltaqa’ mar-residenti kollha li kienu miġbura apposta fis-Sala San Pawl flimkien mas-Support Workers u Ability Promoters tagħhom. Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar laqa’ lil-Mons Scicluna f’isem ir-residenti u tkellem dwar il-ħidma li ssir fid-Dar li bhalissa għandha tmienja u disgħin resident li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn it-tmienja u ‘l fuq minn tmenin sena. Id-Dar toffri wkoll servizzi ta’ respite fuq bażi regolari.

L-Isqof Scicluna qal li d-Dar tal-Providenza hija għalqa qrib ħafna tal-qalb ta’ Kristu. Kull min iżur id-Dar ma jistax ma jirrealizzax li din hija tassew teżor tal-Knisja. Huwa appella lill-ħaddiema u volontiera tad-Dar biex ma jinsew qatt ipoġġu doża qawwija tal-Evanġelju fil-ħidma tagħhom.

Matul iż-żjara tiegħu fid-Dar tal-Providenza, Mons Scicluna iltaqa’ mal-ħaddiema u volontiera tad-diversi taqsimiet li jipprovdu kwalita’ ta’ ħajja għar-residenti.