Argentina floods

F’messaġġ mibgħut lill-Arġentina mis-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan, Papa Franġisku esprima solidarjeta spiritwali ma’ pajjiżu stess wara li għargħar qawwi ħalla mill-inqas 54 persuna mejta fil-kapitali Buenos Aires u ‘l barra minnha.

Xita qawwija bejn it-Tlieta u l-Erbgħa laqtet ħażin ħafna lil Buenos Aires u l-belt qribha ta’ La Plata. Kif l-ilma qed jiskula, iżjed iġsma ta’ nies mejta qed jitilgħu fil-wiċċ u jinstabu mill-ħaddiema tas-salvataġġ.

F’telegramma mibgħuta mill-Vatikan, il-Papa esprima dispjaċir għall-aħbar u esprima solidarjeta mal-milquta u l-familji tagħhom. Franġisku nkoraġixxa lill-awtoritajiet ċivili u lill-istituzzjonijiet tal-Knisja, flimkien ma’ dawk kollha ta’ rieda tajba, sabiex joffru l-għajnuna tagħhom b’turija ta’ solidarjeta nisranija.

Il-Gvern iddikjara tliet ijiem ta’ luttu nazzjonali quddiem dan id-diżastru naturali. Il-President Cristina Kirchner żaret iż-żoni milquta u wegħdet iktar għajnuna f’termini ta’ riżorsi umani.

Mal-2,500 persuna kienu sfurzati jħallu djarhom, b’ħafna minnhom jispiċċaw jingħataw kenn f’refuġji mtella’ apposta f’sitwazzjoni ta’ emerġenza.