Il-koordinatur tal-Kummissjonijiet Kattoliċi ‘Ġustizzja u Paċi’ fl-Ewropa laqa’ pożittivament l-interess fir-rapport ġdid appoġġjat mill-Knisja li qed jitlob azzjoni governattiva iktar b’saħħitha kontra l-evażjoni tat-taxxa u d-diżonesta finanzjarja. Il-patri dumnikan li jikkordina il-Konferenza tal-Kummissjonijiet Ewropej tal-Ġustizzja u l-Paċi, Fr Henrik Alberius qal li “għaddejjin konsultazzjonijiet, bl-intervent tal-Knisja iħalli impatt tajjeb”.

“Permezz tal-istil ta’ ħajja sempliċi li għandu, il-Papa l-ġdid, Franġisku, qed ifassal b’mod mill-iktar ċar mudell importanti fuqiex wieħed jimxi, u qed jgħin biex il-messaġġ tal-Knisja favur id-drittijiet umani, ir-rikonċiljazzjoni u l-iżvilupp jerġa jitwaħħad mat-tħassib reali tan-nies”.

Fr Alberius qal lil CNS li xi kattoliċi inqatgħu lura fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u d-diżonesta finanzjarja biex isolvu l-kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi. Żied pero li r-rapport hu parti mill-isforzi tal-Knisja lejn iżjed promozzjoni tal-ġustizzja soċjali fl-Ewropa.