Nhar Ħadd il-Palm, l-24 ta’ Marzu 2013, il-Knisja universali fakkret it-30 edizzjoni tal-Ġurnata taż-Żgħażagħ, li ilha ssir kull Ħadd il-Palm sa mill-1983. Id-djoċesi ta’ Malta wkoll, iċċelebrat il-fidi taż-żgħażagħ waqt quddiesa speċjali flimkien ma’ Arċisqof Pawl Cremona, ġewwa l-Kappella ta’ Santa Marija ta’ Bubaqra, ż-Żurrieq.
Mons. Cremona sellem liż-żgħażagħ u fakkarhom li l-ġrajjiet storiċi tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù, kellhom fil-qalba tagħhom l-imħabba tiegħu lejn kull persuna. Fl-omelija tiegħu, huwa ġibed l-attenzjoni għall-fatt li, f’Ħadd il-Palm, in-nies ta’ Ġerusalemm kienu tfixklu l-missjoni ta’ Ġesù ma’ rivoluzzjoni politika. B’riflessjoni fuq dan, l-arċisqof inkoraġixxa liż-żgħażagħ biex iqisu kemm l-idea tagħhom ta’ Ġesù hija fid-dawl tal-evanġelji.
Arċisqof Cremona ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ma jżommux lura il-ferħ tagħhom, u jħalluh ikun sinjal tal-esperjenza tagħhom ta’ Alla.
Iċ-ċelebrazzjoni kienet imtella’ mill-grupp liturġiku li jorganiżża l-quddiesa żagħżugħa tal-Kappella ta’ Santa Marija ta’ Bubaqra, bil-kollaborazzjoni tal-Parroċċa taż-Żurrieq. Il-Ġurnata taż-Żgħażagħ f’Malta hija kkordinata mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ.