Pope Francis

Iċ-ċurkett li se jingħata l-Papa għada huwa ndurat bil-fidda, u mhux bid-deheb.

Il-kelliem għall-Vatikan Patri Federico Lombardi qal li ċ-ċurkett huwa magħmul fuq mudell tal-iskultur mibki Enrico Manfrini. Fih hemm il-figura ta’ San Pietru biċ-ċwievet.

L-arma tal-pontifikat u l-motto tiegħu se jibqgħu l-istess bħal ta’ meta kien Isqof. Il motto huwa “miserando aqtue eligendo”, jiġifieri “fqir imma magħżul”.

L-arma fiha xemx tiddi u l-ittri IHS bl-aħmar, li jissimbolizzaw lil Kristu. Mal-ittra H hemm salib u tlett msiemer suwed u fjur li jissimbolizza lill-San Ġużepp, patrun tal-Knisja Universali. L-istilla tissimbolizza lill-Verġni Marija.

Patri Lombardi ta dettalji dwar il-quddiesa t’għada. Fuq ix-xellug tat-taraġ tal-Vatikan, se jkun hemm 1,200 Isqof, saċerdot u seminarista flimkien ma’ rappreżentanti ta’ reliġjonijiet oħra. Fuq il-lemin se jkun hemm il-korp diplomatiku u awtoritajiet oħra. Se jkun hemm spazju miftuħ għall-pubbliku, mingħajr ħlas.

Il-Papa għada jitlaq mir-residenza Santa Marta fit-8:50am. Idur Pjazza San Pietru fuq il-Pope Mobile, wara jidħol fis-sagristija tal-Pietà tal-Vatikan u jħejji għaċ-ċelebrazzjoni li tibda fid-9.30am. Din iċ-ċelebrazzjoni tissejjaħ: l-Inawgurazzjoni tal-Pontifikat tal-Papa Franġisku. Iċ-ċerimonja tibda minn ħdejn il-qabar ta’ San Pietru fil-qalba tal-Vatikan u tkompli fil-pjazza, il-post fejn sar il-martirju ta’ San Pietru, li tiegħu huwa s-suċċessur il-Papa.

Iċ-ċelebrazzjoni t’għada tibda b’purċissjoni mis-sagristija tal-Vatikan lejn il-qabar ta’ San Pietru. Ħdejn it-tebut isir it-talb. Il-Papa se jkun akkumpanjat mill-Kapi tal-knejjes Katolliċi Orjentali: 4 kardinali u 6 li m’humix kardinali. Huma se jikkonċelebraw il-quddiesa flimkien mal-kardinali l-oħra. Ħdejn il-qabar, id-Djakni jippreżentaw il-Vanġelu, iċ-ċurkett u l-palju li huma s-sinjali tal-Pontifikat.

Wara l-quddiesa, il-Papa jidħol fil-Bażilika u hemmhekk se jilqa’ lill-kapijiet u l-mexxejja tal-pajjiżi differenti. Dawn jinkludu, l-President ta’ Malta, il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Lawrence Gonzi u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Dr George Vella.

Jiltaqa’ mal-President tal-Arġentina

Aktar kmieni l-Papa kellu laqgħa informali mal-President tal-Arġentina, Cristina Fernández de Kirchner, peress li l-Papa huwa Arġentin. Tkellmet dwar iż-żmien diffiċli li għaddiet minnu l-Arġentina, meta kien l-intervent tal-Papa Ġwanni Pawlu II li għen biex tirrenja d-demokrazija.

L-aħħar tħejjijiet

Ruma bħalissa qed tipprepara biex għada tilqa’ madwar miljun persuna għall-quddiesa tal-inawgurazzjoni tal-Pontifikat ta’ Papa Franġisku.

Minbarra l-pellegrini, fi Pjazza San Pietru se jkun hemm mill-inqas 160 delegazzjoni, fosthom id-delegazzjoni Maltija, magħmula mill-President Dr George Abela, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Lawrence Gonzi u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Dr George Vella.

Għal din il-quddiesa se jkun hemm ukoll il-president tal-Arġentina, Cristina Kirchner, li kmieni llum iltaqgħet mal-Papa Franġsiku.

Fost l-oħrajn se jkun hemm ukoll il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, il-Viċi President tal-Istati Uniti Joe Biden, ir-re u r-reġina tal-Belġju, il-president tal-Kummissjoni Ewropea Jose Manuel Barroso.

Dawn kollha se joqgħodu fl-iktar lukandi lussużi li jinsabu Via Veneto.

Madwar 200 bodyguards se jkunu qed jieħdu ħsieb is-sigurtà tal-iktar nies importanti.

Minn kmieni filgħodu sa ftit wara li tispiċċa l-quddiesa fi Pjazza San Pietru, minħabba miżuri ta’ sigurtà, ebda ajruplan mhu se jitħalla jtir fuq il-Vatikan u l-madwar.

Minn filgħodu kmieni sas-sagħtejn ta’ waranofsinhar, is-servizz tal-metro se jkun b’xejn biex kemm jista’ ikun ma jkunx hemm konġestjoni kbira ta’ nies.