Cardinals meeting

Il-Kongregazzjoni Ġenerali tal-Kardinali li qed issir fil-Vatikan, daħlet fir-raba’ jum tagħha.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliem tas-Santa Sede Patri Feredrico Lombardi, qal li għadu mhux opportun li tintgħażel id-data tal-Konklavi.  Qal li sal-Ħamis il-kardinali eletturi kollha se jkunu waslu Ruma.  Qal li minkejja dawn il-laqgħat qed jieħdu ħafna ħin u żmien, ma jfissirx li l-Konklavi se jdumu biss ftit jiem, dan għaliex m’hemm ebda relazzjoni bejn iż-żewġ kwistjonijiet.

Patri Lombardi qal li l-laqgħat bejn il-kardinali qed iservu bħala riflessjoni.

Intqal li hekk kif il-kardinali kollha jkunu miġbura, imbagħad tkun tista’ tibda d-diskussjoni dwar id-data għall-elezzjoni tal-Papa. L-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan qal li f’każ li l-kardinali jiftiehmu fuq data, din se titħabbar immedjatament lill-mezzi tax-xandir.

Intant, Giovanni Maria Vian, l-editur tal-ġurnal L’Osservatore Romano, il-ġurnal uffiċjali li joħroġ mill-Vatikan, qal li jinsab ċert li sal-ġimgħa d-dieħla l-Knisja jkollha s-suċċessur ta’ Benedittu XVI.

L-Erbgħa saru 18-il intervent minn fost dawk kollha preżenti, kardinali ġejjin minn diversi partijiet tad-dinja. Kull intervent ħa sa ħames minuti, bis-suġġetti trattati jvarjaw mill-ħtiġijiet ta’ evanġelizzazzjoni u l-Knisja u l-missjoni tagħha fid-dinja, għas-Santa Sede u d-diversi dekasteri tal-Kurja Rumana u r-relazzjonijiet bejn il-Knejjes lokali u l-Isqfijiet. Lombardi qal li “l-profil tal-Papa ġdid qed jitfassal ftit ftit”. Ittieħdet ukoll id-deċiżjoni li l-Kongregazzjoni tal-Kardinali tibda tiltaqa’ darbtejn  kuljum għal sessjoni filgħodu u oħra wara nofsinhar.