Mons Charles J Sciculna

L-Isqof Awżiljarju ta’ Malta, li sa Ottubru li għadda serva bħala Promutur tal-Ġustizzja fil-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, ta l-kummenti tiegħu lil Radju Vatikan dwar il-missjoni tal-Papa Benedittu XVI biex tkun protetta l-innoċenza tat-tfal. Dan in vista tad-diversi każi ta’ abbużi fuq it-tfal li kienu rrappurtati fl-aħħar snin.

Mons Scicluna kien ikkwotat jikkummenta u jgħid li “Benedittu XVI żgur li jibqa’ mfakkar għat-tweġiba straordinarja u għar-reazzjoni tiegħu għall-fenomenu tal-abbuż sesswali minn membri tal-kleru fuq minuri. Kien diġa tassew attiv dwar dan tul il-pontifikat tal-predeċessur tiegħu, f’ħidma ta’ tfasil ta’ proċedura dettaljata li illum hi applikata mill-ewwel f’każ ta’ abbuż magħruf. Huwa rreveda wkoll il-liġi fl-2010 biex saret aktar flessibbli u assigura rispons adekwat lill-vittmi.Evidentement, fl-ittra lill-Knisja fl-Irlanda fl-2010, u fiż-żjajjar pastorali tiegħu fl-Istati Uniti tal-Amerka, f’Malta, fl-Awstralja u fir-Renju Unit, Benedittu XVI wera kompassjoni kbira mal-vittmi tal-abbuż. Kliemu jibqa’ sinjal ċar tad- diterminazzjoni tal-Knisja li tibqa’ twieġeb adekwatament għall-abbuż u li tibqa’ tiddefendi lill-minuri”.

Mons Scicluna kien dak li f’ħidmietu applika l-politika ta’ tolleranza-żero għall-abbuż sesswali fuq il-minuri, politika ta’ Benedittu XVI innifsu. Scicluna ġibed l-istess ħabel tal-Kap tal-Knisja Kattolika sabiex jinbidlu liġijiet kanoniċi u liġijiet eżistenti, flimkien mal-mentalita b’enfasi fuq it-tbatija li jgħaddu minnha l-vittmi tal-abbuż.

Fil-kummenti tiegħu ma’ Radju Vatikan, Mons Scicluna irrifletta dwar id-diterminazzjoni ta’ Benedittu XVI li jirrispondi adekwatament għall-abbuż sabiex ikunu salvagwardjati l-interesi u l-innoċenza tat-tfal u l-minuri.