Pope Benedict XVI

Minħabba li kulħadd iġarrab ferħ meta jirċievi rigal li jkun ġej mill-qalb, l-insara fi żmien il-Milied żgur li jgħixu emozzjoni qawwija meta jiftakru li Alla ta lilu nnifsu. Il-Papa qal dan fil-messaġġ li għadda fl-udjenza ġenerali ta’ dil-ġimgħa. Żied li “ir-rigal oriġinali tal-Milied, kien ir-rigal tal-inkarnazzjoni ta’ Alla li sar laħam u ħa sura ta’ bniedem f’Ġesu Kristu, hu li ta ħajtu għas-salvazzjoni tad-dinja. Hu importanti li nsibu l-istess emozzjoni quddiem dan il-misteru u nħallu lilna nfusna nkunu integrati fl-istess kobor tal-inkarnazzjoni”.

Meta ssokta bis-serje ta’ taħditiet dwar it-tifsira tal-Milied, il-Kap tal-Knisja Kattolika fl-udjenza tal-Erbgħa, dil-ġimgħa qal li fil-kalendarju liturġiku nhar il-Ħadd titfakkar il-magħmudija tal-Mulej.

F’riflessjoni dwar l-inkarnazzjoni, il-Papa qal li l-frażi tal-Vanġelu “Il-Kelma saret laħam” nisimgħu kemm-il darba. Qal ukoll li żmien il-Milied iġib miegħu ħafna attivitajiet żejda bid-diffikulta li ħafna drabi l-insara jalejnaw irwieħhom mill-fatt li l-Milied jiċċelebra “xi ħaġa li assolutament ma tinħasibx, xi ħaġa li Alla biss jista’ jagħmel, xi ħaġa li aħna nistgħu biss naċċettaw bis-saħħa tal-fidi”.