Fl-indirizz tiegħu fl-ewwel reċita tal-angelus għas-sena l-ġdida, il-Papa Benedittu XVI, minn Pjazza San Pietru fil-Vatikan, xebbaħ is-sena l-ġdida ma’ ‘vjaġġ’ u talab li jkun wieħed li jwassal għall-paċi. Qal li fis-sena l-ġdida, “nitolbu lill-Verġni Imqaddsa Marija, Omm Alla, tberikna, bħal dik l-omm li tbierek lil uliedha li jkunu se jitilqu għal triqthom. Sena ġdida hi bħal vjaġġ: bid-dawl u l-grazzja t’Alla, nittama li tkun triq li twassal lil kull persuna u kull familja, lil kull pajjiż u lid-dinja kollha għall-paċi”.
Wara r-reċita tal-angelus, il-Papa sellem lil bosta nies u fi kliem Ġesu Kristu stess, qal li huma “imberkin dawk li jġibu l-paċi”.
Iktar kmieni matul il-jum tat-Tlieta, l-ewwel jum tas-sena l-ġdida, il-Kap tal-Knisja Kattolika ċċelebra l-ewkaristija fi Pjazza San Pietru fl-okkażjoni tal-festa ta’ Marija, Omm il-Paċi, fil-jum dinji tal-paċi ċċelebrat mill-Knisja. Fl-omelija li għamel, il-Papa appella sabiex f’dinja maħkuma mill-problemi, mid-dlamijiet u mill-ansjetajiet, kulħadd jagħraf idur lejn Alla u lejn ibnu Ġesu għall-paċi vera.