Il-Papa Benedittu XVI laqa’ f’udjenza sitt ambaxxaturi ġodda u non-residenti akkreditati għas-Santa Sede miż-Żambja, mit-Tajlandja, mis-Sri Lanka, minn St. Vincent u l-Hgrenadines, min-Niġer u l-Guinea. Fl-indirizz tiegħu lid-diplomatiċi, il-Papa ffoka fuq it-tema tal-edukazzjoni, waħda mill-isfidi ewlenin fiż-żminijiet tal-lum.

Waqt li semma l-evoluzzjoni tal-istili differenti tal-ħajja tal-lum, li qal li toħloq qasmiet kulturali, soċjali u spiritwali fl-istorja umana, Benedittu XVI semma wkoll in-networks soċjali li qal li “spiċċaw jieħdu post l-ispazji soċjali u komunikattivi, biex saru kważi l-uniku punt ta’ referenza għall-kisba tal-informazzjoni u l-għarfien. Il-familja u l-iskola donnu li ma baqgħux l-iktar art fertili u primarja fejn il-ġenerazzjoni żagħżugħa tirċievi l-pedamenti għall-eżistenza. L-iskejjel u l-universitajiet donnu li ma baqgħux kapaċi għal proġetti kreattivi li jattiraw u jwasslu lill-individwi sabiex jidħlu fil-fond tagħhom infushom. Id-dinja tal-lum”.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika kompla billi staqsa jekk in-nuqqas ta’ funzjonament ta’ ċerti istituzzjonijiet u servizzi pubbliċi u privati, jistax jirrifletti nuqqas ta’ edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Issokta billi appella lill-gvernijiet tal-ġurnata rappreżentati mill-ambaxxaturi quddiemu, sabiex jikkontribwixxu b’kuraġġ għall-avvanz tal-umanita, b’ħidma favur l-edukazzjoni tal-ġenerazzjoni l-ġdida permezz tal-promozzjoni ta’ antropoloġija sana, il-bażi essenzjali għall-edukazzjoni vera u konsonanti mal-wirt naturali komuni.

Il-Papa temm jappellalhom sabiex jagħrfu jappoġġjaw lill-Knisja tissokta bil-ħidma sfieqa tagħha f’dan il-kamp.