“Dmirna llum huwa li nisimgħu l-vuċi ta’ Ġwanni l-Battista li tagħti spazju u tħejjina għal Ġesu biex inkunu nistgħu nilqgħuh, hu li hu l-Kelma li ssalvana ġewwinament. F’dan iż-żmien tal-Avvent, ejja nitħejjew biex naraw, naraw bl-għajnejn tal-fidi s-salvazzjoni t’Alla fil-grotta umli u sempliċi ta’ Betlehem”.
Fil-messaġġ tiegħu fl-aħħar reċita tal-Angelus, il-Papa Benedittu XVI stieden lil dawk kollha li jemmnu u lill-pellegrini miġbura fil-Vatikan sabiex isegwu l-passi ta’ San Ġwann il-Battista li jistedinna lkoll ngħixu ‘b’mod essenzjali’.
“Fis-soċjeta konsumista li qed ngħixu fiha llum u li fiha nfittxu l-ferħ f’affarijiet materjali, il-Battista jgħallimna ngħixu b’dan il-mod, sabiex il-Milied ma jingħex biss bħala qoxra minn barra, bħala festa u btala superfiċjali, imma iktar minn hekk bħala l-festa tal-Iben t’Alla li inkarna biex iġib il-paċi, il-ħajja u l-veru ferħ lill-umanita”, temm jgħid il-Papa.