Pope on Twitter

Il-Papa Benedittu sittax jinsab fuq Twitter. Huwa qed jittwiterja permezz tal-isem @pontifex, kelma bil-Latin li tirreferi għal bniedem li jibni l-pontijiet.

F’temp ta’ ftit sigħat, diġà kienu qed isegwu l-Papa xejn inqas minn 250 elf ruħ.

Il-Papa mistenni jikteb l-ewwel ‘post’ tiegħu l-ġimgħa d-dieħla. Permezz ta’ twitter ukoll, se jkun qed iwieġeb mistoqsijiet dwar il-fidi.

Permezz tal-preżenza fuq twitter, il-Knisja qed tkompli tikkonferma l-preżenza tagħha fil-mezzi ġodda tal-midja.

Il-messaġġi tal-Papa fuq twitter se jkunu dwar id-diskorsi tiegħu fl-udjenza ġenerali ta’ kull ġimgħa, fuq il-messaġġi tal-Ħadd u l-omeliji. Se jirreaġixxi wkoll għal dak li jkun qed jiġri madwar id-dinja.

Il-messaġġi jkunu bl-Għarbi, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bit-Taljan, bil-Pollakk, bil-Portugiż u bl-Ispanjol. Aktar lingwi se jiżdiedu ma’ dawn ’l quddiem.

Inizjattivi oħra mħabbra mill-Kunsill Pontifiċju għall-Komunikazzjoni Soċjali se jkunu paġna ta’ Youtube għal news.va, e-book dwar is-sena tal-fidi u ‘The Pope App’ – li hi application fuq il-mowbajls u sistemi iOS u eventwalment f’Jannar anki fuq sistemi Android, b’aħbarijiet u aġġornamenti mill-Papa.