Nhar it-13 ta’ Novembru 2012, saret il-gradwazzjoni tal-istudenti tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali (IFP) tal-Knisja f’Malta. Din iċ-ċerimonja saret  fis-Seminarju tal-Arċisqof, tal-Virtu. B’kollox iggradwaw 147 persuna li temmew b’suċċess 9 korsijiet differenti offruti mill-IFP. Iċ-ċerimonja bdiet biċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u wara segwiet il-preżentazzjoni taċ-ċertifikati mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. L-aktar kors popolari fost dawk li ggradwaw il-bierah kien dak tal-General Education in Evangesliation.

Hawn taħt qegħdin nġibu d-diskors tal-gradwazzjoni ta’ Fr Mark Sultana, id-Direttur tal-Istitut Formazzjoni Pastorali.

Eċċellenza Reverendissima Mons Pawl Cremona OP, Għeżież koordinaturi u lecturers fil-korsijiet, Għeżież parteċipanti fil-korsijiet,

ir-raġuni li għaliha nġbarna flimkien illum fiha nnifisha hija sempliċi u hekk xieraq li tibqa’. Iżda fis-sempliċità tagħha ma nistgħux ma narawx tifsira kbira. Għall-grazzja t’Alla intom 147 persuna, li temmejtu korsijiet f’sitt oqsma differenti: fl-Evanġeliżazzjoni, fil-Liturġija, fl-Istudji Bibbliċi, fil-Ministeru fost iż-Żgħażagħ u l-Adoloxxenti, fil-Minsteru mal-Familji (li kien offrut għall-ewwel darba għall-grazzja t’Alla!), u fit-Tmexxija Pastorali b’Mod Nisrani. Din hija okkażjoni li, permezz tagħha, ilkoll kemm aħna qed nagħtu xhieda ta’ kemm is-sejħa tas-Sinodu Djoċesan għall-formazzjoni kienet waħda ġusta u urġenti.

L-esperjenza matul dawn is-seba’ snin li l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali (IFP) ilu jorganiżża korsijiet – din hija s-sitt ċerimonja ta’ gradwazzjoni – uriet ukoll biċ-ċar kemm huma ħafna l-persuni bħalkom li, għax għamlu l-għażla għal Kristu, lesti jidħlu fi proċess ta’ formazzjoni, lesti li jieħdu bis-serjetà l-esperjenza formattiva, anke jekk din titlob minnhom sagrifiċċju. Dan intom tajtu xhieda tiegħu matul dawn is-snin tal-formazzjoni tagħkom. Flimkien magħkom, bħalissa, hemm madwar mija u sebgħin persona oħra f’esperjenzi formattivi diversi li l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali, flimkien ma’ kummissjonijiet u segretarjati oħrajn, qiegħed joffri. U ta’ dan nirringrazzjaw lil Alla.

Kif tafu, il-logo ta’ l-IFP jispira ruħu mill-ikona tat-Trinità li Andrei Rublev ‘kiteb’ fil-15-il seklu. Mhux il-waqt li nidħol f’ħafna dettalji ta’ din l-ikona straordinarja. Imma naħseb tajjeb li ngħid li din l-ikona torbot flimkien l-identità tagħna, il-komunjoni li msejjħa ngħixu, u l-missjoni tagħna. Xtaqt ngħid xi ħaġa żgħira dwar dawn it-tlett aspetti ta’ ħajjitna fi Kristu.

L-ewwelnett l-identità tagħna. Il-ħolm tagħna, ir-riflessjonijiet tagħna, il-proġetti tagħna m’humiex sempliċement iġġenerati minna nfusna imma huma d-don sabiħ u misterjuż ta’ Alla. Kif tispjega tant esperjenzi sbieħ matul dawn is-snin? Kif tispjega l-esperjenza sabiħa – fost ħafna oħrajn – matul din is-sena tal-kors ġdid fil-parish nursing fejn tliet u għoxrin nurse qed titħarreġ f’kura olistika li tagħti ħafna każ tar-rabta li jrid iwaqqaf il-Mulej Alla ma’ kull bniedem? Fil-fatt l-ikona turi l-intimità li l-Mulej irid iwaqqaf ma’ kull bniedem. Nawgura li dawn il-korsijiet, li minn din is-sena kollha kienu jinkludu l-possibiltà ta’ rtir u ta’ pellegrinaġġ ta’ fidi, għenuna biex naraw ħajjitna sħiħa fil-preżenza tal-Mulej Alla u ngħixu u naħdmu skont il-mod ta’ ħsieb u l-kriterji tiegħu. Il-Mulej Ġesù kien jaħdem bin-nhar u jitlob bil-lejl. J’alla jkun hu l-għajn ta’ kull ma nagħmlu.

Fl-ikona, il-Missier, permezz tal-Iben fl-Ispirtu s-Santu, jintroduċina għall-komunjoni divina, fiċ-ċirku tal-imħabba eterna, fejn il-persuni trinitarji huma relazzjonijiet puri, atti puri ta’ għotja u ta’ akkoljenza. Il-Mulej Alla jaqsam ħajtu magħna wkoll b’don! Il-ħajja tagħna, bħala evanġeliżżaturi, tfisser li, fil-missjoni tagħna, ngħixu ‘għall-’ Mulej Alla li jagħti lilu nnifsu lilna u ngħixu f’ismu ‘għas-servizz ta’ oħrajn’. Hu b’hekk li l-Mulej Alla jagħtina sehem fil-ħidma tiegħu tal-bini tal-Saltna.

U hawn, nirringrazzja lill-Mulej Alla għall-membri tal-Bord (Fr Joe Galea Curmi, Dr Adrian Gellel, Sr Marie Scicluna, Ms Louise Laferla, Dr Nadia Delicata u Ms Stephanie Falzon) fuq kollox għax ngħixu lill-impenn tagħna bħala Bord tal-IFP b’mod mill-aktar ekkleżjali b’ħafna ħidma imma wkoll b’mumenti ta’ talb u riflessjoni fuq il-kelma t’Alla li servewna bħala opportunitajiet ta’ ispirazzjoni, kif ukoll b’mumenti soċjali u familjari. Nirringrazzja lill-Mulej Alla ukoll għall-kollaborazzjoni sabiħa ma’ tant persuni professjonali li ħadmu fil-qrib ħafna tagħna (bħalkom il-professjonisti li tieħdu ħsieb il korsijiet fi Christian Leadership u Evangelisation). Nirringrazzja lill-Mulej Alla għall-kollaborazzjoni sabiħa ma’ tant aġenziji fi ħdan il-knisja u ma’ tant persuni li bħalna jħobbu lill-Knisja u ħadmu ħafna biex dawn il-korsijiet setgħu kienu possibbli bħas-Segretarjat għall-Katekeżi, il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ, il-Kummissjoni Djoċesana Familja, il-Moviment ta’ Kana, l-Għaqda Bibblika Maltija u s-Segretarjat għal-Liturġija. Nirringrazzjawkom minn qalbna ta’ din l-opportunità li arrikjietna lkoll. L-IFP ma jridx jibni xi realtà esklussivament tiegħu imma jfittex biss li jsostni, jikkollabora u jagħmilha possibbli li noħolmu flimkien.

U fl-aħħarnett il-missjoni. L-ikona tfakkarna li ma teżistix missjoni fi Kristu jekk m’hemmx komunjoni. Ma teżistix missjoni jekk m’hemmx komunjoni ma’ Alla Trinità, komunjoni bejnietna bħala membri tal-Ġisem ta’ Kristu, komunjoni bejnietna u bejn dawk kollha li l-Mulej jibgħatna naqdu. Hu b’hekk biss li nuru l-isbuħija ta’ Alla. Il-korsijiet ma jsirux strettament għalina imma d-doni li rċevejna jridu jgħaddu minna ħalli, f’oqsma differenti, skont il-ħtieġa, nservu aħjar, b’viżjoni iktar ċara, b’għodod iktar effikaċi. Nitolbu lill-Mulej li jkompli jagħnina bi “clear heads and holy hearts for pastoral action” (John Henry Cardinal Newman).

Naħseb li lkoll naqblu li l-esperjenza tagħna bħala gruppi matul iż-żmien ta’ formazzjoni saħħet l-identità tagħna, il-komunjoni tagħna, u l-missjoni tagħna. Nitlob li din il-ħidma tal-Mulej tkompli sseħħ f’ħajjitna ukoll jekk trid tgħaddi mill-misteru tas-salib li hu l-misteru tal-preżenza ta’ Alla fostna. Santu Wistin jinterpreta b’mod mill-isbaħ il-kelma ta’ Ġesù fi Ġwanni 21, “Irgħa l-ħrief tiegħi”, billi jpoġġi fuq fomm Ġesù l-kliem: “Bati għall-ħrief tiegħi” (Sermo Guelf. 32 PLS 2, 640). Il-Mulej Ġesù jakkumpanja l-kliem u l-ħidma tagħna mhux biss bil-kliem sabiħ tiegħu imma wkoll bit-tbatija u l-mewt tiegħu. Hu ma jitlaqna qatt.

U meta jiġina li naqtgħu xi ftit qalbna, nagħmlu tagħna il-parabbola taż-żerriegħa tal-mustarda: bl-umiltà ta’ żerriegħa ċkejkna, inħallu f’idejn il-Mulej meta u kemm tagħti frott il-ħidma tagħna. (Mk 4, 26-29). Il-Mulej Ġesù qam mill-mewt! Għalhekk ma tonqosna qatt it-tama!

J’Alla l-okkażjoni tal-lejla tkun ta’ ferħ għalikom, għeżież parteċipanti, u tkompli tagħni t-tweġiba sabiħa tagħkom għas-sejħa tiegħu għall-qadi tas-Saltna ta’ Alla.

Xieraq għalhekk li llum nifirħu fid-don li l-Mulej wassalna għalih, flimkien u b’konvinzjoni, u nitolbuh li jkollna ħobż biżżejjed għall-mixja li hemm quddiemna.

U issa bi pjaċir nistieden lil waħda minnkom – Sr Victoria Sant – li se tiggradwa fid-Diploma in Christian Leadership biex tagħmel id-diskors tagħha f’isimkom.

Grazzi ħafna!

Fr Mark Sultana
Istititut Formazzjoni Pastorali