Bishop Justin Welby

Il-mexxej il-ġdid tal-Knisja Anglikana qal li d-direttur spiritwali tiegħu kien patri kattoliku, anki jekk ma semmiehx. L-Isqof Justin Welby ta’ Durham, li se jsir l-Arċisqof il-ġdid ta’ Canterbury, qal f’konferenza tal-aħbarijiet li kien influwenzat mill-ispiritwalita Benedittina u minn dik Injazjana. Iddikjara wkoll li fis-Sinodu Ġenerali li jmexxi l-Knisja Anglikana, u li se jkun qed jiddeċiedi fuq l-ordinazzjoni tal-Isqfijiet nisa, f’laqgħa ta’ jumejn li tibda fid-19 ta’ Novembru, huwa se jkun qed jivvota favur.

Il-ħatra ta’ l-Isqof Welby bħala primat tal-Ingilterra u mexxej tal-Komunjoni Anglikana madwar id-dinja kollha, tħabbret nhar il-Ġimgħa.Il-ħatra tiegħu tkun konfermata b’elezzjoni bil-kanoni tal-Katidral ta’ Canterbury.

Welby, ta’ 56 sena, se jieħu t-tron bħala l-105 Arċisqof ta’ Cnaterbury fil-katidral ta’ Canterbury nhar il-21 ta’ Marzu. Huwa se jkun qed jieħu post l-Arċisqof Rowan Williams li se jħalli l-kariga f’Diċembru li ġej. Wara l-aħbar tan-nomina l-ġdida, l-Arċisqof Vincent Nichols ta’ Westminister, li hu l-President tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Ingilterra u Wales, ħareġ stqarrija li fiha esprima kliem ta’ tifħir għall-missier ta’ ħamsa li ħalla salarju kbir biex iservi bħala kjeriku Anglikan. Stqarr li “nin bsa ċert li l-Isqof Welby se jġib miegħu fil-kariga l-ġdida għadd ta’ esperjenzi u barkiet għall-ġid ta’ kulħadd”.