President Barack Obama and Pope Benedict XVI, are photographed when they met at the Vatican, Friday, July 10, 2009.

Il-Papa Benedittu XVI, permezz tan-Nunzju Appostoliku tiegħu f’Washington, l-Istati Uniti tal-Amerika, bagħat mesaġġ lil Barack Obama wara li tħabbret ir-rebħa tiegħu fl-elezzjoni presidenzjali Amerikana.

Fil-messaġġ tiegħu, il-Papa esprima x-xewqat lil Obama għal dan it-tieni mandat u wiegħdu t-talb sabiex kemm f’pajjiżu, kif ukoll fil-komunita internazzjonali, Alla jgħinu jesgwixxi r-responsabbiltajiet serji li għandu. Il-Papa esprima ukoll it-tama tiegħu li l-ideali tal-ġustizzja u l-liberta, li gwidaw lil missirijiet l-Amerka, ikomplu jidhru bi prominenza fil-progres tal-pajjiż.

Id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, il-Ġiżwita Federico Lombardi, ukoll għadda kumment qasir dwar il-ħatra mill-ġdid ta’ Obama u qal li “il-President Amerikan għandu responsabbilta qawwija mhux biss f’pajjiżu, iżda anki fil-bqija tad-dinja, speċjalment meta wieħed iqis ir-rwol tal-Istati Uniti tal-Amerika fix-xena internazzjonali”.

Temm jgħid li “nittamaw li l-President Obama jwieġeb għall-aspettattivi tal-poplu b’servizz lejn il-liġi u l-ġustizzja, għall-ġid u l-iżvilupp ta’ kulħadd, b’rispett lejn il-valuri umani u spiritwali essenzjali. Dan waqt li jippromwovi l-kultura tal-ħajja u l-liberta reliġjuża”.