Archbishop Mamberti

L-Arċisqof Domenique Mamberti, Segretarju għar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi differenti, indirizza l-81 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali  tal-Organizzazzjoni Internazzjoni tal-Pulizija fil-qasam tal-Kriminal, magħrufa bħala l-Interpol. L-Assemblea għaddejja bħalissa f’Ruma bit-tema “L-isfidi għall-pulizija quddiem il-vjolenza kriminali kontemporanja”.

L-Arċisqof innota li l-kriminalita żdiedet kemm f’termini kwantitattivi u anki f’termini ta’ vjolenza. “Il-ġlieda kontra kull forma ta’ vjolenza, speċjalment dik l-iktar brutali, tippresupponi dmir morali sabiex tgħin fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet meħtieġa li jassiguraw li l-vjolenza ma tiżviluppax.In-nies li jaħdmu fiż-żamma tal-ordni u l-organizzazzjonijiet pulizjeski li tirrappreżentaw, ilkoll konxji li l-iktar effiċjenti kontra kull forma ta’ kriminalita huma ċ-ċittadini tal-pajjiż. L-Alleanza u s-solidarjeta bejn iċ-ċittadini u l-pulizija huma l-ikbar difiża li tista’ ssir kontra l-kriminalita”.

L-Arċisqof żied li “azzjonijiet li jgħinu fil-ħolqien ta’ soċjeta fejn jgħammar il-ġid komuni, jinkludu l-eliminazzjoni ta’ fatturi li li jagħtu lok u jikkultivaw kultura ta’ inġustizzja”.Kien hawn li aċċenna għall-importanza ta’ edukazzjoni speċjalment fil-valur tal-protezzjoni tal-ħajja umana f’kull ċirkostanza.

Mamberti temm jgħid li dan jimplika l-importanza tal-familja, li tara lill-ġenituri joffru imħabba inkundizzjonata lil xulxin u lit-tfal, fejn tingħata l-ewwel esperjenza ta’ ġustizzja u maħfra li lkoll huma elementi ferm importanti meħtieġa għal relazzjonijiet fi ħdan il-familja u anki għal skop ta’ inklużjoni fis-soċjeta in ġenerali.