Għada, il-Ħadd 4 ta’ Novembru, fil-5.30 ta’ filgħaxija, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ser imexxi konċelebrazzjoni solenni fil-Knisja Arċipretali ta’ Marija Mtella s-Sema, il-Mosta, li fiha se jiġu ordnati djakni sitt żgħażagħ. Dawn huma s-seminaristi: Leonard Mintoff mill-Parroċċa ta’ Santa Elena,  Birkirkara; Charlon Muscat mill-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, Mosta; Reuben Vella mill-Parroċċa ta’ Santa Katerina, ż-Żurrieq; Fra Terence Spiteri mill-Ordni Agostinjan; Fra Josef Pace u Fra Stephen Borg, it-tnejn mill-Ordni tal-Franġiskani Konventwali.

Permezz tal-Ordinazzjoni, id-djakni l-ġodda isiru xebh ma’ Ġesù Kristu li ried ikun ‘djaknu’, jiġifieri qaddej ta’ kulħadd. Id-dmirijiet tad-djaknu huma li l-ewwel u qabel kollox jiddedika ħajtu għal qadi ta’ mħabba (djakonija) fis-servizz tiegħu lejn il-poplu, jassisti lill-Isqof u lis-saċerdoti fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri qaddisa, l-aktar tal-Ewkaristija, jamministra s-sagrament tal-Magħmudija, jassisti għaż-żwieġ u jbierku, ixandar l-Evanġelju u jippriedkah u jmexxi l-funerali.

Il-komunita’ tas-Seminarju tħeġġeġ lil kulħadd biex jitlob b’mod speċjali għal dawn id-djakni ġodda u għal żagħżagħ oħrajn li huma msejħa biex jimxu wara Ġesù fil-ħajja saċerdotali jew reliġjuża.