Two tapestries of the new Doctors of the Church

Il-Papa Benedittu XVI ipproklama lil San Ġwann t’Avila u lil Santa Hildegard ta’ Bingen bħala Dutturi tal-Knisja Universali. Dan għamlu qabel ma ċċelebra l-Ewkaristija li matulha inawgura t-13-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet. It-tema tal-Assemblea kienet “L-Evanġelizzazzjoni l-ġdida għat-Trasmissjoni tal-Fidi Nisranija”.

Meta għadda biex jitkellem dwar iż-żewġ Dutturi ġodda tal-Knisja hu stieden għal riflessjoni. San Ġwann t’Avila li għex fis-sittax-il seklu, kien espert tal-Iskrittura Mqaddsa, mogħni bi spirtu missjunarju. “Bniedem t’Alla li waħħad it-talb kontinwu ma’ azzjoni appostolika. Iddedika ħajtu jippriedka, żamm ħajja l-formazzjoni ta’ dawk kandidati għas-saċerdozju jew għall-ħajja reliġjuża jew lajkali, f’xenarju ta’ progress fi ħdan il-Knisja”, qal il-Papa.

Santa Hildergard kienet figura importanti tat-12-il seklu, li “offriet il-kontribuzzjoni siewja għat-tkabbir tal-Knisja ta’ żmienha. Dan permezz tal-awtorita spiritwali tagħha, magħġuna fis-sensittivita, l-intelliġenza u abbilta ferventi li tiddixxerni s-sinjali taż-żminijiet, b’imħabba kbira lejn Kristu u l-Knisja”.

“Din it-taqsira ta’ x’inhu l-ideali fil-ħajja nisranija, u li tinġabar fis-sejħa għall-qdusija, issejħilna biex b’umilta nħarsu lejn il-fraġilita tad-dnub li hu ostaklu kbir għall-evanġelizzazzjoni. Ma nistgħux nitkellmu dwar evanġelizzazzjoni ġdida mingħajr ix-xewqa sinċiera għall-konverżjoni”, temm jistqarr il-Papa.