“Familja, kun dak li int”

Dawn il-kelmiet tal-Beatu l-Papa Ġwanni Pawli II huma l-ispirazzjoni għat-tema ta’ din is-sena għall-proġett “Żwieg B’Saħħtu” li ilu jiġi mtella’ mill-Moviment Ta’ Kana sa mill-2008. Kif jixhed l-isem, l-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li joffri sensiela ta’ taħdidiet u jippromwovi dibattitu pubbliku b’riżq żwieġijiet b’saħħithom. Dawn it-taħdidied iservu wkoll bħala mezz ta’ formazzjoni għall-koppji mexxejja tal-Kors ta’ Tħejjija għaż-Żwieġ, kif offrut mill-Moviment Ta’ Kana. Għandhom ukoll jitfgħu dawl ġdid fuq it-tagħlim kontemporanju tal-Knisja rigward iż-żwieġ u l-familja.

Skond il-Papa Ġwanni Pawlu II, il-rwol tal-familja bħala knisja domestika, knisja tad-dar, huwa msejjes fuq l-identita, missjoni, sfidi u responsabbiltajiet tagħha. Fl-enċiklika Familiaris Consortio, ifakkarna li l-familja għandha erba’ oqsma mportanti x’tikkunsidra fil-ħidma tagħha bħala familja Nisranija. Dawn huma :

  1. Il-familja għandha tifforma komunita’ ta’ persuni, miftuħa għal xulxin. (L-ewwel taħdita).
  2. Il-familja għandha taqdi l-ħajja fit-trasmissjoni tagħha, kemm fiżika billi ġġib it-tfal fid-dinja, kif ukoll spiritwali billi tmexxi matul iċ-ċiklu naturali tagħha valuri u tradizzjonijiet. (It-tieni taħdita).
  3. Il-familja għandha tipparteċipa fl-iżvilupp tas-soċjeta’ ta’ madwarha billi tkun skola ta’ ħajja soċjali, kommunita’ ospitabbli u parteċipi fil-politika. (It-tielet taħdita).
  4. Il-familja għandha taqsam mal-Knisja l-ħajja u l-missjoni tagħha billi tkun komunita’ li temmen u li tevanġelizza, fi djalogu attiv ma’ Alla u b’servizz għall-umanita’ (Ir-raba’ taħdita).

Il-kelliema mistiedna għall-erba’ taħdidiet ser joffru idejat prattiċi ta’ kif wieħed jista’ jilħaq dawn l-aspettattivi, bl-emfasi tkun fuq il-fatt li wieħed għandu dejjem jingħata għall-oħrajn.

Il-ħames u l-aħħar taħdita ser tittratta l-aspett sagramentali tal-familja fid-dawl tat-temi ttrattati qabel u l-implikazzjonijiet involuti. L-imħabba fiż-żwieġ għandha tmur lil hinn mill-kunċett romantiku u tersaq aktar lejn il-konċepiment ta’ żwieġ sagrament, fejn il-membri tal-familja, bħala dixxipli ta’ Kristu, jingħarfu mill-missjoni Nisranija tagħhom, sostnuti mid-don ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija.

Il-programm sħiħ huwa dan :

  • L-ewwel taħdita : 9 t’Ottubru 2012 – Ms Antoinette Laferla
  • It-tieni taħdita : 6 ta’ Novembru 2012 – Ms Christine Galea
  • It-tielet taħdita : 15 ta’ Jannar 2013 – Dr Robert Tufigno
  • Ir-raba’ taħdita : 12 ta’ Frar 2013 – Dun Joe Galea Curmi
  • Il-ħames taħdita : 30 t’April 2013 – Mons Anton Gouder

Wara kull taħdita jkun hemm ħin għall-interventi u diskussjoni.

Post : Sala San Pawl, Istitut Kattoliku, Floriana.

Ħin : 7pm.