Pope's imminent trip to Lebanon

F’waħda mill-aħħar udjenzi tiegħu, il-Papa Benedittu XVI tkellem dwar il-vjaġġ appostoliku imminenti tiegħu fil-Libanu, fejn se jkun qed jiffirma l-Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali tal-Assemblea Speċjali għal-Lvant Nofsani fi ħdan is-Sinodu tal-Isqfijiet, li sar fil-Vatikan lura f’Ottubru 2010.

“Se jkolli l-opportunita li niltaqa’ man-nies u mal-awtoritajiet tal-Libanu, kif ukoll mal-insara ta’ dan il-pajjiż għażiż, anki ma’ dawk li se jiġu minn pajjiżi ġirien”, qal. Kompla li “konxju mis-sitwazzjoni drammatika li sikwit jesperjenzaw il-popli f’dan ir-reġjun maħkum għal żmien twil minn kunflitt kontinwu. Nifhem ukoll it-turment emozzjonali u l-ansjeta ta’ dawk li jgħixu fi Lvant Nofsani, li ta’ kuljum iġarrbu kull xorta ta’tbatija li taffetwalhom ħajjithom. Ħsibijieti wkoll ma’ dawk li biex ifittxu kenn, jispiċċaw jitbiegħdu mill-familja u mill-professjoni tagħhom. Sakemm hu diffiċli li jinstabu soluzzjonijiet għad-diversi problemi li jolqtu dan ir-reġjun, m’għandna qatt nirrikorru għall-vjolenza u m’għandna bl-ebda mod inkebbsu t-tensjoni. L-impenn għad-djalogu u r-rikonċiljazzjoni għandu jkun ta’ priorita għall-partijiet kollha involuti, b’appoġġ mill-komunita internazzjonali li kull ma jmur qed issir dejjem iżjed konxja tal-importanza li paċi stabbli u dejjiema f’dar-reġjun ifissru għad-dinja kollha. Il-vjaġġ tiegħi fil-Libanu u Lvant Nofsani, hu pedamentat fuq il-paċi, b’referenza ċara għall-kliem ta’ Kristu stess meta qal ‘Nagħtikom il-paċi tiegħi’.”