l-Papa Benedittu XVI appella lis-Sirja u lill-Iraq għall-paċi. Meta kien qed jindirizza lill-pellegrini u lit-turisti miġbura fil-bitħa tal-Palazz Appostoliku ta’ Castel Gandolfo, il-Papa qal li “jibqa’ jsegwi bi tħassib l-episodji traġiċi dejjem jiżdiedu ta’ vjolenza fis-Sirja” fejn f’iktar minn sena ta’ inkwiet ċivili jiżdied, mietu mal-20 elf ruħ. Il-Papa iddisapprova wkoll il-fatt li l-kunflitt wassal għal ċaqliq ta’ numru kbir ta’ persuni li minn djarhom spiċċaw jaħarbu lejn postijiet oħra f’tentattiv li jsibu kenn. Il-Kap tal-Knisja kompla jappella sabiex dawk kollha milquta bil-kunflitt jingħataw għajnuna umanitarja. Wara li wiegħed it-talb u s-solidarjeta spiritwali tiegħu, Benedittu XVI appella għall-waqfien mill-vjolenza u t-tixrid tad-demm, appella wkoll lill-pajjiżi f’komunitajiet usa’ sabiex ma jieqfu qatt jimbuttaw lejn il-kisba tal-paċi ferm mixtieqa, u li tkun riżultat tad-djalogu u r-rikonċiljazzjoni.
Il-Papa tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq, fejn il-ġimgħa li għaddiet seħħew serje ta’ attakki mdemmija inkluż attakki terroristiċi li ħasdu l-ħajja ta’ aktar minn mitt ruħ u darbu aktar minn 200 anki f’ġurnata waħda biss.
Ir-Ragħaj tal-Kattoliċi madwar id-dinja talab sabiex “dan il-pajjiż kbir isib mill-ġdid it-triq lejn l-istabilita, ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi”.