Il-Kunsill Pontifiċju għall-Kura Pastorali tal-Migranti u dawk li jivjaġġaw ħareġ il-messaġġ għall-Jum Dinji tat-Turiżmu 2012, iċċelebrat fis-27 ta’ Settembru. It-tema għal din is-sena hi “It-Turiżmu u l-Enerġija Sostenibbli: Saħħa lill-Iżvilupp Sostenibbli”.
Fil-messaġġ, il-President tal-Kunsill, il-Kardinal Antonio Maria Veglio qal li “it-turiżmu għandu rwol importanti fil-kisba tal-Miri ta’ Żvilupp għall-Millenju li jinkludu ‘l-assigurazzjoni tas-sostenibbilta ambjentali’, u għandu jagħmel dak kollu li jista’ sabiex dawn il-miri jintleħqu. Għaldaqstant, jeħtieġ addattament għall-kundizzjonijiet tal-bidla fil-klima bi tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet tas-serer, li sal-lum jammontaw għal 5% tat-total. It-turiżmu ma jikkontribwixxix biss għas-sħana globali imma hu wkoll vittma tagħha”.