F’messaġġ mibgħut mis-Segretarju tal-iStat tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone, il-Papa Benedittu sellem lill-parteċipanti tal-11-il Kungress Internazzjonali tat-Tema of Our Lady, li bħalissa qed isir fil-Brażil. Teams of Our Lady huwa moviment ta’ spiritwalita tal-miżżewġin fi ħdan il-Knisja Kattolika li għandu l-għan li jgħin lill-koppji jiskopru r-rikkezza tas-sagrament taż-żwieġ u jgħixu l-ispirtwalita tiegħu.
Fl-istqarrija, il-Kardinal Bertone wassal l-awgurju tal-Papa lill-parteċipanti minn dan il-moviment li twaqqaf fl-1939 f’Pariġi minn Fr Henri Caffarel. Ġibed l-attenzjoni wkoll għall-bosta problemi ffaċjati mill-koppji fiż-żwieġ fis-soċjeta tal-lum, kull ma jmur iżjed sekularizzata.
“F’dan il-kuntest, dawn il-koppji jipproklamaw, mhux biss bil-kliem, iżda iżjed u iżjed bl-istess ħajja li jgħixu, il-veritajiet fundamentali dwar l-imħabba umana u t-tifsira profonda tagħha”. B’eżempju semma l-imħabba ta’ raġel u mara, tbissima fuq fomm it-tfal u l-paċi fid-dar.
Il-messaġġ tal-Papa faħħar l-impenn tal-moviment li jħeġġeġ lill-membri biex jissaħħu bis-sagrament taż-żwieġ kif ukoll iżommu lilhom infushom sostnuti bis-sagrament tal-ewkaristija. Appellalhom biex “poġġu bilqiegħda flimkien u tkellmu, isimgħu lil xulxin, u ifhmu lil xulxin quddiem is-sorpriżi u d-diffikultajiet tal-vjaġġ twil tal-ħajja”.
Il-Kardinal Bertone appella f’isem il-Papa lill-moviment sabiex jibqa’ jkun ta’ xiehda tal-fidi nisranija fid-dinja.
Temm jgħid li “l-Papa jistieden lill-koppji Nsara sabiex ikunu l-wiċċ imbissem u ħlejju tal-Knisja, l-aqwa u l-iktar messaġġiera konvinċenti tas-sbuħija tal-imħabba sostnuta bil-fidi, rigal minn Alla offrut lil kulħadd b’abbundanza u ġenerożita.