Fl-ewwel ġranet taż-żjara pastorali f’San Francisco, l-Istati Uniti, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ltaqa’ mal-emigranti Maltin fiċ-Ċentru ‘Maltese American Social Club’, u fir-residenza tal-Konslu Generali Malti, is-Sur Louis Vella. Matul dawn il-laqgħat l-Arċisqof kellu l-opportunità jiltaqa’ personalment mal-Maltin.

F’dawn il-laqgħat, l-Arċisqof tkellem fuq il-missjoni li kull wieħed għandu fil-ħajja u fakkar partikolarment fil-missjoni li ġejja mill-magħmudija li ssejjaħ lin-Nisrani jgħix u jkun ta’ xhieda għall-fidi tiegħu kull fejn ikun. L-Arċisqof qal li hu propju għalhekk li jagħmel dawn iż-żjarat biex jibqa’ jqawwi lill-emigranti f’din il-missjoni li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed issir urġenti.

Fir-residenza tal-Konslu Malti, l-Arċisqof tkellem dwar il-volontarjat u rringrazzja lil dawk kollha li kienu preżenti li ħadu ħsieb jorganizzaw iż-żjara pastorali tiegħu. Hu heġġiġhom jibqgħu jaħdmu biex iżommu maqgħuda lill-kommunità Maltija.

Laqgħa oħra speċjali kienet il-Quddiesa li l-Arċisqof iċċelebra għall-komunità Maltija fil-katidral ddedikat lil Santa Marija. F’dan il-mument ta’ talb l-Arċisqof heġġeġ biex filwaqt li kull Malti jħossu kburi, jagħraf ukoll li l-fidi li ġiet mogħtija lilna bħala grazzja, tgħabbi lilna lkoll bir-responsabbiltà li nrawwmu din il-fidi u nwassluha lil ta’ warajna. Dan nagħmluh jekk nibqgħu magħqudin ma’ Kristu. Filwaqt li rrefera għas-Sinodu tal-Isqfijiet ta’ Ottubru li ġej, li ser jiddiskuti l-evanġeliżazzjoni l-ġdida, l-Arċisqof qal li l-mod kif inwasslu r-rigal tal-fidi jrid jigi aġġornat skond iż-żmien minkejja li l-pedamenti tal-fidi ma jitbidlu qatt.

Illum, it-Tlieta 8 ta’ Mejju, l-Arċisqof ser iżur lill-Maltin li huma morda u dawk fl-isptarijiet, filwaqt li għada se jiċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġorġ Preca.

Rapport/ritratti: Fr Alfred Vella