Sena ilu, il-Papa Benedittu XVI ibbeatifika lill-maħbub predeċessur tiegħu, Papa Ġwanni Pawlu II. Dakinhar fi Pjazza San Pietru quddiem il-Bażilika irrenjat il-preżenza tal-pellegrini li mhux biss ingħaqdu fit-talb, iżda anki kienu mimlija bil-ferħ.
Għaddew issa sitt snin mill-mewt tal-Papa Pollakk u l-Papa Ratisnger semma kif kien ried jimbotta ‘l quddiem il-kawża tal-beatifikazzjoni tiegħu. Qal li “l-mument kien wasal biex jingħata ġieħ lil Alla permezz tal-beatifikazzjoni ta’ Ġwanni Pawlu II”.
Fl-istess omelija, Benedittu XVI fakkar kif l-okkażjoni kienet maħsuba taħbat mat-tieni Ħadd tal-Għid, li l-istess Ġwanni Pawlu II kien għażel li jiddedika lill-Ħniena Divina. “Pero anki mal-bidu ta’ Mejju, ix-xahar tradizzjonalment iddedikat lil Marija, Omm Alla, li għalija Papa Woytila kellu devozzjoni speċjali.
“Il-motto tiegħu kien ‘totus tuus’, kliem bil-Latin li jfissru ‘Kollni kemm jien tiegħek’ b’referenza ċara għal Marija, li l-ewwel ittra tagħha, M, poġġiha saħansitra taħt is-salib fil-coat of arms tiegħu”.
Il-Papa Benedittu XVI jissokta li “il-beatitudni tal-fidi għandha l-mudell tagħha f’Marija, u lkoll kemm aħna nifirħu li l-beatifikazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II taħbat mal-ewwel jum tax-xahar tal-Madonna – hi li bil-fidi tagħha sostniet il-fidi tal-Appostli u b’mod kostanti ssostni l-fidi tas-suċċessuri tagħhom, speċjalment dawk li jokkupaw is-Sede ta’ Pietru.”
Il-Papa temm jissottolinea l-kliem tal-predeċussr tiegħu mal-elezzjoni tiegħu bħala Papa f’Ottubru 1978: ‘La tibżgħux, iftħu l-bibien għal Kristu’!