Sudan and South Sudan border

Il-mexxejja kattoliċi qed jappellaw lill-komunita internazzjonali sabiex iżżid l-isforzi tagħha biex tilqa’ milli tfaqqa’ gwerra ħarxa minħabba t-territorju li fuqu hemm nuqqas ta’ qbil fuq il-fruntiera tas-Sudan man-nofsinhar tal-pajjiż.

L-Isqof Awżiljarju ta’ Khartoum, Daniel Adwok Kur, qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet Catholic News Service, CNS, li t-tensjoni bejn is-Sudan u s-South Sudan, li hu l-aħħar pajjiż uffiċjalment rikonoxxut bħala Stat, jistgħu jittaffew jekk il-Ġnus Maqgħuda u l-Unjoni Afrikana jidħlu medjaturi u jittentaw jiddeterminaw il-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi.

L-Isqof Adwok li hu min-nofsinhar, qal li ċivili fiż-żona li dwarha hemm id-diżgwid madwar Heglig, qed jispiċċaw vittimizzati b’attakki miż-żewġ naħat.

Dan Griffin, li jagħti pariri mis-Sudan lis-servizz kattoliku ta’ għajnuna, CRS, għall-Isqfijiet Amerikani,qal li l-biża hi reali dwar il-possibilta ta’ “diżastru” fi gwerra li tista’ tiskatta minħabba dan il-kunflitt. Fi kliemu “hemm bżonn inwasslu l-messaġġ, bil-għan li nilqgħu milli tfaqqa’ mill-ġdid gwerra twila”. Huwa qal dan qabel ma vjaġġa lejn in-nofsinhar tas-Sudan, l-iStat il-ġdid, biex ikun jista’ jagħmel assessjar tas-sitwazzjoni u jevalwa l-programmi ta’ għajnuna tas-CRS. Griffin kompla li “neħtieġu ngħinu lill-Knisja twassal il- vuċi u l-parir tagħha”. Appella huwa wkoll biex il-Ġnus Maqgħuda u l-Unjoni Afrikana iwaqqfu l-kunflitt u jevalwaw id-dokumenti tal-1956 li jistabbilixxu l-fruntieri għat-tribujiet varji fir-reġjun.