Michel Sidibé, DG UNAIDS

Michel Sidibe, li huwa d-Direttur Eżekuttiv tal-UNAIDS, iltaqa’ mal-Papa Benedittu XVI u uffiċjali oħra tal-Vatikan, f’tiftix għal kollaborazzjoni akbar biex wieħed jipprevjeni minn infezzjonijiet tal-HIV fost it-tfal sal-2015. Sidibe qal lill-Papa li l-prevenzjoni mit-trasmissjoni tal-virus tal-HIV mill-omm għall-wild u ż-żamma tat-tfal ħielsa mill-HIV huma għanijiet ottenibbli. Skont l-istqarrija tal-UNAIDS wara l-laqgħa ta’ Sidibe mal-Papa, intqal li “miljuni ta’ nies madwar id-dinja li jgħixu u huma milquta mill-virus tal-HIV, jingħataw appoġġ minn diversi organizzazzjonijiet kattoliċi li jaħdmu fil-qasam tal-kura tas-saħħa.

“Is-seħib sħiħ tal-Knisja Kattolika fl-isforzi għal dak il-mument fejn ma jkun hemm ebda każ ġdid ta’ infezzjoni bl-HIV, hu ta’ importanza massima”, kompla. L-aġenzija tal-UN innutat li l-Vatikan estima li aġenziji kattoliċi jipprovdu mal-25% ta’ kull trattament li jingħata għall-HIV flimkien ma’ kura oħra għall-HIV. Dan waqt li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, estimate li sa 70% tal-kura medika kollha li tingħata fl-Afrika hi provduta minn organizzazjonijiet bbażati fuq il-fidi.

Minbarra l-laqgħa mal-Papa, fi tmiem l-udjenza ġenerali tiegħu tal-Erbgħa, Sidibe ltaqa’ wkoll mal-Kardinal Peter Turkson, li hu l-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u Paċi, kif ukoll mas-Segretarju Ġenerali ta’ Caritas Internationalis, Michael Roy. Wara l-laqgħat, f’kummenti lil Radju Vatikan, Sidibe qal li l-impatt tal-knejjes u ta’ diversi gruppi għandu potenzjal kbir “biex wieħed jiġġieled l-istigma u d-diskriminazzjoni, u biex jinforma lin-nies bl-importanza tar-responsabbilta sesswali fil-prevenzjoni minn infezzjonijiet ġodda” għall-virus li jikkawża l-AIDS.

Huwa temm jgħid li parroċċi kattoliċi jinkoraġixxu wkoll nisa sabiex jagħmlu t-test tal-HIV, u joffru wkoll appoġġ lil dawk li jinstab li huma pożittivi, billi jfehmuhom xi trattament ikunu jistgħu jieħdu u jinkoraġġuhom jieħduh, speċjalment jekk ikunu tqal bil-għan li ma jgħaddux il-virus lit-tarbija.