Pope on Easter Sunday

Fit-tifkira tal-Qawmien mill-Mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu, nhar Ħadd il-Għid, il-Papa Benedittu XVI iċċelebra l-ewkaristija fi Pjazza San Pietru, segwita mis-solita barka li l-Kap tal-Knisja jagħti urbi et orbi, jiġifieri lil Ruma u lid-dinja kollha. Hija t-tradizzjoni li l-Papa jagħti din il-barka fil-Milied u fl-Għid. Fil-kummenti li għadda lill-fidili fi Pjazza San Pietru, il-Papa Benedittu XVI sellem u għadda l-awguri tal-Għid f’iktar minn sittin lingwa differenti, fosthom bil-Malti.

Papa Ratsinger, fir-riflessjonijiet tiegħu, jitlaq mill-esperjenza ta’ Marija Madalena li kienet l-ewwel li ltaqgħet ma’ Ġesu rxuxtat. Fi kliemu, hi din l-esperjenza li tbiddlilna ħajjitna, l-esperjenza ta’ Bniedem li jħallina nduqu t-tjubija u l-verita, Hu li jeħlisna mill-irbit kollu tal-ħażen, mhux b’manjiera superfiċjali imma b’ħelsien radikali li jfejjaqna kompletament  u li jirrestawra d-dinjita tagħna. Kien għalhekk, kompla l-Papa, li l-Madalena ssejjaħ lil Ġesu t-tama tagħha – tama għal ħajja sħiħa u eterna.

Benedittu XVI ifakkar ukoll pero li Marija Madalena kienet dik li flimkien ma’ oħrajn, assistiet għall-arrest, għaż-żebliħ, għas-swat, għall-kalvarju u għall-mewt ta’ Ġesu. Żied ifisser li f’din id-dinja, it-tama ma tistax ma taffrontax il-kruha tal-ħażen. Mhix imxekkla biss mill-mewt, imma anki mill-mibgħeda, mill-kburija u mill-vjolenza. Pero, il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesu hu turija ta’ rebħa fuq dan il-ħażen, rebħa għat-tama u għall-ħajja fi Kristu. Hi rebħa wkoll għall-komunitajiet insara, partikolarment dawk li qed isofru l-persekuzzjoni u d-diskriminazzjoni.

Il-Papa jissokta, “Kristu jibqa’ ħaj fit-tama permezz tal-Knisja, li hi qrib kull sitwazzjoni umana ta’ sofferenza u inġustizzja. Partikolarment fis-Sirja, jalla jkun hemm waqfien mit-tixrid tad-demm u impenn immedjat għall-paċi, ir-rispett, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni, kif rifless ukoll fl-appell tal-komunita internazzjonali. J’alla r-refuġjati minn dak il-pajjiż isibu refuġju u lil min jaċċettahom b’solidarjeta f’dal-mument ta’ tbatija kbira għalihom. Jalla wkoll li r-rebħa ta’ Kristu f’din il-festa tal-Għid il-Kbir, jinkoraġixxi lill-poplu tal-Iraq sabiex ma jaqta’ qalbu qatt fit-triq tal-istabilita u l-iżvilupp. Anki fl-Art Imqaddsa, jalla l-Israeljani u l-Palestinjani b’kuraġġ ifittxu li jimpenjaw ruħhom konkretament u jattwaw proċess ta’ paċi”.

Il-Kap tal-Kattoliċi temm jawgura li r-rebħa ta’ Kristu fuq il-ħażen u fuq il-mewt issostni wkoll lill-komunitajiet tal-insara fl-Afrika.