Il-Papa Benedettu Sittax qal li l-vjolenza tmur kontra s-saltna t’Alla. Fl-aħħar messaġġ tiegħu tal-Angelus, il-Papa qal li huwa impossibli li Ġesu jiġi interpretat bħala vjolenti. Huwa semma kif il-vjolenza ma tgħinx l-umanita filwaqt li għamel referenza għas-silta tal-Vanġelu dwar it-tkeċċija tal-bejjiegħa min-naħa ta’ Ġesu quddiem it-tempju.

Qal li l-azzjoni tiegħu ma qanqlet ebda reazzjoni mill-awtoritajiet għax tqieset bħala att profetiku. Il-profeti jaġixxu f’isem Alla. Qal li kien proprju għalhekk li l-Lhud talbuh sinjal biex jassiguraw li hu kien tassew jaġixxi f’isem Alla. Żied li “‘t-tindifa’ tat-tempju kienet ukoll interpretata bħala ġest politiku-rivoluzzjonarju, b’Ġesu iġiegħlhom jaħsbu li kien parti mill-moviment taż-Żeloti, li kellhom ċertu żelu lejn il-liġi t’Alla u li kienu lesti jużaw il-vjolenza biex jassiguraw li din tkun rispettata. Fi żmien Ġesu kienu jistennew lill-Messija biex jeħles lil Israel mit-tmexxija tar-Rumani. Pero Ġesu iddiżappunta dik it-tama, agħar minn hekk nies tant qrib tiegħu spiċċaw abbandunawh. Eżempju ċar kien Ġuda l-Iskarjota li tradieh. Il-verita hi li hu impossibbli li wieħed jinterpreta lil Ġesu bħala vjolenti. Il-vjolenza tmur kontra s-Saltna t’Alla. Hi strument f’idejn l-antikrist. Il-vjolenza qatt ma taqdi lill-bniedem iżda tneżżgħu mill-umanita.”

Il-Papa ma naqasx milli jirrifletti dwar “it-tempju tal-ġisem tiegħu” u qal li jitlob sabiex kull nisrani ikun ġebla ħajja fit-tempju spiritwali ta’ Alla.

Kien hawnhekk li l-Papa appella lill-kommunita internazzjonali sabiex tintbagħat għajnuna lill-poplu tal-Madagascar li ntlaqat minn għargħar kbar, kundizzjonijiet mill-agħar li mhux biss ikkawżaw imwiet iżda laqtu direttament mas-70,000 persuna.