Is-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan awtorizza lill-avukati tiegħu sabiex jibda prodeċuri legali fl-Italja u kull fejn qed jiċċirkola muntaġġ ta’ ritratt fuq kartelluni li qed jintużaw bħala parti minn kampanja ta’ riklemar tal-Benetton. Fil-kartelluni, fost personalitajiet oħra, jidher il-Papa Benedittu XVI ibus personalita oħra reliġjuża.

L-istqarrija maħruġa mid-Direttur għall-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, il-Ġiżwita Federico Lombardi, tiddikjara li l-muntaġġ u l-manipulazjoni tax-xbieha tal-Papa “hi ta’ ħsara, mhux biss għad-dinjita tal-Papa nnifsu u tal-Knisja Kattolika, iżda wkoll għas-sensibbilta ta’ dawk kollha li jemmnu”.

Lombardi kien ċar meta stqarr li l-Vatikan “ma jistax ma jipprotestax għall-użu inaċċettabli tax-xbieha manipulata tal-Kap tal-Knisja Kattolika, użata bħala parti minn kampanja pubbliċitarja li għandha finijiet kummerċjali”.

Ikompli jisħaq li “hu nuqqas serju ta’ rispett lejn il-Papa, affront għas-sentimenti ta’ dawk kollha li jemmnu, u turija ċarissima ta’ kif fil-qasam tar-riklamar, ir-regoli l-iktar elementary tar-rispett lejn l-oħrajn jistgħu jinkisru billi wieħed jattira l-attenzjoni permezz tal-provokazzjoni”.

Id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan temm jgħid li “is-Segretarjat tal-Istat qed jeżamina x’passi se jkun qed jieħu mal-awtoritajiet kompetenti sabiex jassigura u jiggarantixxi l-ħarsien adekwat tal-persuna tal-Papa”.