Catholics Come Home

Ministeru Amerikan ħa inizjattiva sabiex għadd ta’ kattoliċi jerġgħu lura attivi fi ħdan il-Knisja Kattolika fil-pajjiż. L-inizjattiva tikkonsisti fi spots televiżivi li huma maħsuba li jilħqu  mal-250 miljun persuna tul l-istaġun tal-Milied.

“Catholics Come Home” se jkun qed jippreżenta spots bi stedina ta’ minuta lill-kattoliċi biex jerġgħu jersqu lejn il-Knisja u l-ħajja tal-parroċċa tagħhom. Bejn is-16 ta’ Diċembru u t-8 ta’ Jannar 2012, l-ispots se jkunu trasmessi għal iktar minn 400 darba u huma maħsuba li jilħqu kull djoċesi Amerikana.

Skont stqarrija tal-Ministeru konċernat, “Catholics Come Home”, jittama li jispira mal-miljun persuna sabiex jingħaqdu mill-ġdid b’mod attiv fi ħdan il-knisja lokali tagħhom. Din il-mira nħadmet abbażi ta’ statistika li ħarġet miċ-ċensiment dwar inizjattivi simili li saru fil-passat fi 30 djoċesi oħra. Fejn saret diġa din l-inizjattiva, mill-2008 ‘il quddiem, irriżulta li żdiedet l-attendenza tal-quddies b’medja ta’10% u madwar 300,000 persuna ħassew il-bżonn li jirritornaw attivi fi ħdan il-knisja lokali li għaliha jappartjenu.

L-ispots televiżivi ta’ “Catholics Come Home”, li huma spots bi-lingwi, huma skedati fi trasmissjonijiet ta’ diversi stazzjonijiet ewlenin, fosthom CBS, NBC, CNN, FOX News u oħrajn, b’ħafna minnhom ixandru l-ispots waqt xi programm televiżiv ta’ fama.