Germany flag

Għall-okkażjoni tal-vjaġġ appostoliku li l-Papa Benedittu XVI se jkun qed jagħmel fil-Ġermanja bejn it-22 u l-25 ta’ Settembru, statistika dwar il-Knisja Kattolika fil-pajjiż uriet li 30.18% tal-popolazzjoni sħiħa ta’ kważi 82 miljun persuna, huma Nsara Kattoliċi.

L-informazzjoni kienet ippubblikata mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika fi ħdan il-Knisja, u kienet skont l-aħħar ċifri aġġornati sa Diċembru li għadda.

Irriżulta mit-tagħrif ippubblikat li fil-Ġermanja hemm mad-29 entita ekkleżjali u 11,483 parroċċa. Bħalissa hemm iservu l-Knisja 113-il Isqof; 17,274 saċerdot; 28,651 reliġjuż u reliġjuża; 1,657 lajċi membri ta’ Istituti sekulari u madwar 10,000 katekist. Is-seminarji maġġuri fil-Ġermanja jammontaw għal 2,303 filwaqt li s-Seminarji Minuri jammontaw għal 1,151.

Madwar miljun student jattendu fi kważi 9,500 ċentru ta’ edukazzjoni kattolika, li jvarjaw minn kindergarten sal-Universitajiet. Istituzzjonijiet oħra tal-Knisja jew immexxija mis-saċerdoti u reliġjużi fil-Ġermanja jinkludu 444 sptar; 1,368 klinika; 2,804 dar tal-anzjani jew tal-persuni bi bżonnijiet speċjali; 1,172 orfanatrofju; 2,176 ċentru ta’ counselling tal-familja u favur il-ħajja; 2,204 ċentri għal edukazzjoni u rijabilitazzjoni soċjali u 468 istituzzjoni oħra.