Il-protagonisti żgħażagħ ta’ dan is-sajf fetħu uffiċjalment l-istaġun permezz ta’ “Check-in”, f’Paceville. Aktar minn elf żagħżugħ u żagħżugħa, matul ix-xahrejn li ġejjin, se jkunu qiegħdin jagħmlu esperjenzi uniċi tal-fidi; uħud permezz ta’ ħidma volontarja f’Malta jew barra, oħrajn bil-pellegrinaġġ tal-Jum Dinji taż- żgħażagħ ġewwa Madrid.

Iċ-ċelebrazzjoni ta’ tmiem il-ġimgħa bdiet bil-mandat tal-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. lil dawn iż-żgħażagħ, fil-Knisja Parrokjali ta’ San Ġiljan. Wara, l-Arċisqof u l-istess parteċipanti, mxew lejn Paceville fejn żaru diversi postijiet ta’ divertiment. L-attivitajiet ewlenin tal-lejla kienu il-maratona ta’ mużika nisranija ġewwa Hard Rock Cafe, l-adorazzjoni tul il-lejl fil-Millenium Chapel, kif ukoll intwera filmat li nħadem apposta fuq il-megascreen ta’ Plush.

Ħafna miż-żgħażagħ qattgħu il-lejl sħiħ f’Paceville, ġo dormitorji li ġew imħejjija minn qabel fil-Millenium Chapel. Il-Ħadd filgħodu, mbagħad, Nunzju Appostoliku Mons. Tommaso Caputo ippresieda l-quddiesa tal-għeluq.

“Check-in” ittellgħet bil-kollaborazzjoni ta’ ‘l fuq minn għoxrin komunità taż-żgħażagħ u kienet ikkoordinata mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ)