Libya happenings

L-uffiċjal għoli tal-Knisja fil-Libja, l-Isqof Giovanni Martinelli ta’ Tripli, esprima t-tħassib serju tiegħu dwar il-kunflitt li qal li jiġġenera aktar ġlied fit-tul fost il-fazzjonijiet u t-tribujiet fil-Libja. Qal li jemmen li soluzzjoni negozjabbli għadha possibbli. Dan irrappurtatu l-l-aġenzija missjunarja tal-aħbarijiet tal-Vatikan.

L-Isqof Martinelli qal lill-aġenzija Fides li “kull min jaħseb li jista’ jissolva l-kunflitt b’attakki u bumbardamenti, sejjer żball”. Martinelli humagħruf għall-kritika konsistenti tiegħu sa mill-bidu għall-attakki tan-NATO kontra l-mexxej Libjan Moammar Gaddafi u l-forzi tiegħu.

L-attakki intensifikaw fl-aħħar jiem, bin-NATO tinvolvi anki ħelikopters. Il-Gvern qal li fil-ġurnata tas-7 ta’ Ġunju biss, mill-inqas 60 missila laqtu lil Tripli, b’iktar minn 30 persuna jibqgħu mejta.

“Is-sitwazzjoni politika mhix ċara.Qed nistennew għal żviluppi u progress fid-djalogu u l-paċi. Jien għadni nemmen fid-djalogu”, qal l-Isqof Martinelli. Huwa żied li l-iktar li jinkwetah huwa “il-kunflitt bejn il-fazzjonijiet tal-poplu Libjan”. Qal li “jekk jibdew jiġġieldu ‘l xulxin, tkun esperjenza terribbli”. L-Isqof Martinelli tenna li l-attakki fuq iċ-ċivili qed jikkawżaw iktar imwiet u mibgħeda estrema bejn in-nies.

Il-Papa Benedittu XVI appella għal waqfien tal-isparar bil-għan li kulħadd jersaq lejn ftehim diplomatiku.