Croatia's EU membership

“Fit-triq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, il-Kroazja għandha r-responsabbilta li tippromwovi l-valuri nsara u r-rwol tal-familja fl-edukazzjoni u fil-ħajja soċjali”, qalu l-Papa Benedittu XVI. Fl-ewwel dehra pubblika minn meta rritorna mill-vjaġġ pastorali li għamel fil-kapitali Kroata ż-Żagreb, bejn l-4 u l-5 ta’Ġunju, Benedittu XVI enfasizza r-rwol essenzjali taż-żwieġ u l-fedelta matrimonjali fl-Ewropa, li qal li għandha rati għolja ta’ divorzju u separazzjoni.

Il-Papa tkellem b’mod pożittiv dwar iż-żjara fil-Kroazja, pajjiż ex-Yugoslav.

Waħda mill-karatterisitiċi tal-vjaġġ kien l-ewwel Jum Kattoliku Nazzjonali ddedikat lill-Familja fil-Kroazja. Attendew madwar 400,000 persuna, inkluż familji, membri tal-kleru u pellegrini mill-pajjiżi qrib. Il-Kap tal-Knisja Kattolika, li kemm-il darba lmenta li kien qed jonqos il-Kristjaneżmu fis-soċjeta Ewropea u fil-ħajja pubblika, faħħar it-tradizzjonijiet kattoliċi li fil-Kroazja qal li għadhom b’saħħithom. Żied lid an għandu jkun ukoll ta’ eżempju għal pajjiżi oħra fil-kontinent Ewropew.

“Fl-Ewropa tal-lum, il-pajjiżi bi tradizzjonijiet insara b’saħħithom, għandhom responsabbilta qawwija biex jiddefendu u jippromwovu ir-rwol tal-familja bbażata fuq iż-żwieġ, li tibqa’ forza deċiżiva fl-edukazzjoni u l-ħajja soċjali”, qal Papa Ratsinger.

Dan, temm jgħid li hu realta għall-Kroazja, li aktar tard dis-sena qed tħares lejn sħubija fl-Unjoni Ewropea.